Qorti

Mixli li seraq emails ta’ martu waqt il-proċess ta’ separazzjoni

Raġel ta’ 51 sena minn Tas-Sliema, li ismu ma jistax jixxandar biex tiġi protetta l-identita’ tal-mara tiegħu fejn il-koppja bħalissa għaddejjin minn proċess ta’ separazzjoni, wieġeb mhux ħati li seraq emails personali tagħha. Ir-raġel wieġeb mhux ħati tal-akkużi kollha miġjubin kontrih kien mixli wkoll li għamel rapport falz mal-Pulizija fil-konfront ta’ martu.

Quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli, s-Slimiż ġie mixli li f’Ġunju li għadda u fix-xhur u s-snin ta’ qabel ħoloq ċikrkostanzi li jistgħu jinġiebu bħala prova kontra xi ħadd innoċenti, li għamel rapport b’mod li jibdew proċeduri kriminali, u li kkommetta serq ta’ dokument personali, f’dan il-każ e-mails.

Ir-raġel li qal li jaħdem bħala Document Managerial Officer ġie mixli wkoll li uża “software” biex titella’ nformazzjoni minn kompjuter, u li daħal mingħajr awtoriżazzjoni biex jiġbor informazzjoni li ma kienitx aċċessibbli għalih.

Ir-raġel li kien mixli bi 12-il akkuża, ġie akkużat ukoll li wettaq dawn ir-reat bi ħsara għal ħaddieħor, li ġab ruħu b’mod li ta fastidju lill diversi persuni, fosthom lil martu, u biża wkoll li se tintuża vjolenza kontriha, jew kontra persuni li jiġu minnha.
Kien mixli wkoll li għamel offiża fuq diversi persuni fosthom Pulizija, u li biex jakkwista xi ħaġa fixkel lil xi ħadd fil-pusses ta’ ħwejjġu. Il-Qorti laqgħet it-talba tal-Prosekuzzjoni biex tinħatar psikjatra biex teżamina lill-akkużat, u kien maqbul li jinħatar Dr. Joe Cassar. L-Avukat Pawlu Lia u Alessandro Lia deher għall-akkużat li għamlu talba għal liberta’ proviżorja li ma sabitx oġġezzjoni mill-Prosekuzzjoni.

Ir-raġel ingħata l-pleġġ fuq garanzija personali ta’ €3,000 u li jrid jiffirma darba fil-ġimgħa, kull nhar ta’ Erbgħa fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Tas-Sliema. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Anna Marie Xuereb.