Internazzjonali

Twissija dwar l-aġir tal-pulizija f’Bangkok

It-Tajlandja tista’ titlef ir-reputazzjoni li kattret bħala destinazzjoni nieqsa mir-restrizzjonijiet u ‘pressjoni għat-turist’. Dan meta aktar uffiċjali u pulizija f’Bangkok qed iwaqqfu u ‘jippersegwitaw’lit-turisti bil-mistoqsijiet u ċertu komportament eżaġerat fiċ-ċirkostanzi.

Il-barranin li jesploraw l-attrazzjonijiet ta’ Bangkok qed jilmentaw aktar dwar l-aġir tal-pulizija fil-konfront tagħhom, b’diversi każi ta’ ‘persekuzzjoni’ jseħħu fit-Triq Ewlenija ta’ Sukhumvit, fiċ-ċentru tal-kapitali.

Spikkaw inċidenti fejn turisti Awstraljani twaqqfu mill-pulizija fiċ-ċentru ta’ Bangkok u li mbagħad talbuhom biex jipproduċu l-passaporti. Oħrajn kienu avviċinati mill-pulizija li ġiegħeluhom jiftħu l-bagalji u l-basktijiet u joħorġu l-affarijiet personali. Kien ukoll każi fejn turisti kienu mitluba jipprovdu kampjun tal-urina għal testijiet rigward id-droga.

Jerġa’ aktar inkwetanti huma r-rapporti li t-turisti qed jingħataw il-multi ‘fuq il-post’ (f’Bangkok) li jridu jitħallsu immedjatament bil-flus kontanti.

Issemmew każi fejn numru ta’ nies li ġew mitluba jipproduċu l-passaporti mill-pulizija inżammu mill-istess awtoritajiet, ‘u fejn imbagħad dehru jħallsu l-flus lill-uffiċjali’. F’każ minnhom tfajla spiċċat imbikkma minħabba s-sitwazzjoni skomda, bir-rapporti jsostnu l-inkwiet li t-Tajlandja, bil-mod, qed tinbidel f’pajjiż ‘anqas ospitabbli’ għat-turist.