Qorti

Żewġ tobba nisa mhux ħatja ta’ qtil involontarju b’negliġenza fil-qadi ta’ dmirijiethom

Żewġ tobba nisa ġew illiberati mill-Maġistrat Consuela Scerri Herrera minn akkuża ta’ qtil involontarju minħabba negliġenza fil-qadi ta’ dmirijiethom fil-konfront ta’ immigrant illegali mill-Eritrea, li kien miet fil-lejl tas-6 ta’ Frar tal-2005.

It-tobba Elaine Desira Lauria ta’ 33 sena u Ritienne Debono ta’ 36 sena, ma nstabux ħatja, għax ma kellhom l-ebda konnessjoni mal-mewt tiegħu. Fil-fatt fis-sentenza tagħha l-Qorti qalet li ma kien hemm l-ebda negligenza jew traskuraġni u li l-mediċina li huma taw lil Sagid Iisraquay Tegualde kienet l-aktar waħda tajba fiċ-ċirkostanzi.

Ingħad ukoll fis-sentenza li t-tobba għamlu l-almu kollu tagħhom biex jagħtu lill-pazjent l-aktar kura adekwata possibbli u li mxew b’dilliġenza li hija mistennija f’każ bħal dan u fit-trattament ta’ persuna li tbati minn ażma qawwija u li tkun agressiva fl-aġir tagħha.

Punt li semmiet il-Qorti fuq l-agressivita’ tal-pazjent kien li minn xhieda ta’ tabiba u minn Pulizija li kien fuq il-post f’ħin minnhom meta l-pazjent kien fis-sala, dan beda jippasiġġa u li deher eċitat ħafna, u f’ħin minnhom ipprova jaqla’ biex tant kemm kien agressiv.

Il-Qorti qalet ukoll li ma kien hemm l-ebda nuqqas u konnessjoni wkoll għax il-pazjent miet mewta naturali, fejn sfortunatament spiċċa biex kellu kollass fil-pulmun u emoroġija, riżultat ta’ ażma qawwija. Għaldaqstant mingħajr l-ebda tlaqlieq Sagid Iisraquay Tegualde miet kawża ta’ mewta naturali u li t-tobba inkwistjoni għamlu dak kollu possibbli biex isalvawlu ħajtu. Għaldaqstant Desira Lauria u Debono qatt ma setgħu jinstabu ħatja tat-tali reat.

Tegualde, kien miet wara attakk tal-qalb li kien wieħed fatali fl-isptar san Luqa kważi 10 snin ilu. Huwa kien miet ftit wara li ngħata pillola valium biex huwa jikkalma. Din kienet ingħatatlu minħabba li kien qed jirrifjuta li jingħata trattament.

Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Joseph Agius kienet qalet fil-Qorti li l-mmigrant illegali kien wasal Malta fis-17 ta’ Settembru, 2004, u li qabel din id-data kien diġa daħal Malta, b’mod illegali u kien spiċċa deportat.

Tegualde, kien ibati bl-ażma u anke bit-TB, u mhux l-ewwel darba li kien iddaħħal l-isptar. Xahar qabel ma miet, huwa kien sofra minn attakk ta’ ażma fiċ-Ċentru ta’ detenzjoni ġewwa Ħal-Far fejn kien qed jinżamm.

Kien ġie mgħajjat tabib miċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid u l-immigrant kien referut għall-isptar. Meta l-ambullanza kienet waslet, huwa kien sar vjolenti u rrifjuta li jmur, kien xehed l-Ispettur Agius. Fl-4 ta’ Frar, tal-2005, huwa kien ittieħed l-isptar San Luqa u ddaħħal fis-sala M8. Ġurnata wara kien ġie eżaminat mit-tabiba Elaine Desira Lauria u l-pazjent beda jaġixxi b’mod vjolenti. Huwa ma bediex jieħu nifs sew, kien agressiv u beda jirrifjuta li jiġi eżaminat.

It-tabiba kienet talbet għall-assisteza tas-superjur tagħha, t-tabiba Ritienne Debono, u nfurmata x’kien qed jiġri minn fuq it-telefon. Din it-tabiba kienet f’sala oħra żżur il-pazjenti u tat struzzjonijiet biex Tegualde jingħata ħames milligram ta’ Valium biex jikkalma. It-tabiba Desira Lauria amministrat l-mediċina, bl-immigrant isofri minn attakk tal-qalb u miet ftit wara nofs il-lejl. Fix-xhieda tagħha t-tabiba Debono qalet li hija kienet irċiviet telefonata mingħand Dr. Desira u nfurmata li Sagid Iisraquay Tegual, li kellu l-ażma u tuberkolożi, kien qed ikun aggressiv.

Hija qaltilha biex tagħtih il-valium u dan għax ma kien hemm ebda għażla oħra u li kellha xi pazjenti li riedet tara. Ix-xhud kienet qalet li kienet rat lill-pazjent sagħtejn wara u li hu beda jilmenta li kien qed iħoss uġiegħ f’sidru. Minħabba li kellu storja ta’ ażma, ddeċidiet li tagħtih il-Ventolin, biex tgħinu fin-nifs. Wara li marret tarah kien diġa miet. Mill-awtopsja rriżulta li l-Eritrean miet minħabba kollass fil-pulmun, emoroġija pulmunarja, u minn ażma fil-bronki. L-Avukati Michael Sciriha u Anna Mallia iddeffendew lit-tobba.