Is-sewwieq il-ġdid tal-McLaren Fernando Alonso stqarr li l-eks tim tiegħu, il-Ferrari kapaċi jirkupraw wara li d-diżappunti ta’ dawn l-aħħar snin.
Alonso ħalla lill-Ferrari u ingħaqad mal-McLaren filwaqt li Vettel, eks champion tar-Red Bull, wara sena diżappuntanti fejn naqas milli jiddefendi t-titlu, għażel li jingħaqad mal-Ferrari.
Fl-istaġun li għadda l-Ferrari spiċċaw fir-raba’ post fil-klassifika tal-kostrutturi u lanqas biss rebħu tellieqa. L-aħħar darba li dan it-tim Taljan naqas milli jirbaħ tellieqa kien fl-1993 u minkejja li qabel l-istaġun kienu ħafna dawk li bassru li Kimi Raikkonen u Alonso kienu se jiksbu riultati mill-aqwa, iż-żmien wera mod ieħor u kienu l-koppja tal-Mercedes Lewis Hamilton u Nico Rosberg li iddominaw.
“Issa la darba ingħaqadt mal-McLaren se jkun diffiċli għalija biex nikkumenta fuq il-prestazzjonijiet tal-Ferrari għax biex titkellem dwar tim trid tkun taf x’inhu għaddej minn ġewwa imma nemmen li kapaċi jirkupraw għax għandhom nies dedikati u kapaċi. Il-problema prinċipali f’dawn l-aħħar snin kienet il-karozza. Il-Ferrari hu tim li kulħadd jistenna xi ħaġa speċjali mingħandu,” qal Alonso.
L-istess Alonso qal li se jkun paċenzjuż u mhux se jistenna li jirbaħ mal-ewwel mat-tim il-ġdid tiegħu. “Jien iffirmajt mal-McLaren biex nirbaħ imma mhux biex nagħmel dan mil-lum għal għada. Naf li jien u Jenson Button se nkunu qegħdin naħdmu fuq proġett li jieħu ż-żmien,” qal Alonso.
Fl-istaġun li għadda l-McLaren spiċċaw fil-ħames post u ilhom ma jirbħu tellieqa għal dawn l-aħħar sentejn. Ta min jiftakar li s-sena li ġejja l-Honda se tkun il-kumpanija li tipprovdilhom il-magni.
//= $special ?>
