Il-Gvern ta’ Muscat jippretendi li ħadd ma jikkritikah u jgħid li l-Oppożizzjoni għandha toqgħod iċċapċaplu. Hi l-arroganza bil-maqlub ta’ dak li jiġri f’demokrazija vera għax xogħol l-Oppożizzjoni hu li żżomm lill-Gvern responsabbli għal għemilu u li turi dak li l-Gvern ikun irid jaħbi. Il-Gvern ta’ Muscat dan ma jridux imma propju fl-aħħar ftit ġimgħat il-pajjiż seta’ jara l-Oppożizzjoni mmexxija minn Simon Busuttil effettiva u kredibbli tikxef il-gideb tal-Gvern u tara li jagħti kont t’għemilu.
Il-waqgħa ta’ ministru ewlieni ta’ Muscat
Il-waqgħa ta’ ministru ewlieni fil-Gvern ta’ Muscat hi eżempju fost ħafna ta’ kemm l-Oppożizzjoni qed tkun effettiva u kredibbli. Il-Gvern ta’ Muscat gideb bil-kbir fuq l-isparatura ta’ xufier ta’ ministru tiegħu. L-Oppożizzjoni kixfet il-gideb tal-Gvern ta’ Muscat u wasslet biex waqa’ ministru ewlieni ta’ Muscat. Din hi ħaġa straordinarja meta tqis in-numri fil-Parlament. Imma minkejja li b’raj Muscat dan ma seħħx, Oppożizzjoni effettiva u kredibbli wasslet għall-waqgħa ta’ ministru ta’ Muscat.
Pubblikazzjoni u residenza fiċ-ċittadinanza
Hemm eżempji oħrajn tal-effettività u l-kredibilità tal-Oppożizzjoni. L-iskema taċ-ċittadinanza li bħal daż-żmien sena ried idaħħal Muscat kienet waħda li fiha l-passaporti li jinbiegħu kellhom ikunu sigrieti u jingħataw lil nies li lanqas biss jersqu lejn Malta. Oppożizzjoni effettiva u kredibbli wasslet biex issa l-ismijiet ta’ dawk li jixtru l-passaporti jkunu ppubblikati u jistgħu jixtru biss wara sena residenza f’Malta.
Elezzjonijiet tal-Kunsilli minn Gvern li ‘ma jaffordjahomx’
Dis-sena, il-Prim Ministru Muscat qatta’ xhur sħaħ jgħid li se jħassar l-elezzjonijiet tal-Kunsilli tas-sena d-dieħla għax il-Gvern ta’ Muscat tant hu fallut li lanqas l-elezzjonijiet tal-Kunsilli ma jaffordja. Oppożizzjoni effettiva u kredibbli fiehmet lin-nies li l-Gvern ma jistax jilgħab mad-demokrazija lokali u kisbet lura dawn l-elezzjonijiet li se jsiru s-sena d-dieħla u ma jitħassrux kif ried Muscat.
Oppożizzjoni li qed tikxef l-abbużi tal-ministri ta’ Muscat…
L-Oppożizzjoni qiegħda tikxef kontinwament l-abbużi tal-ministri ta’ Muscat li dejjem qed jiżdiedu. Wasslet għar-riżenja ta’ Franco Mercieca li kien qed jikser il-Kodiċi tal-Etika tal-Ministri. U qed tikxef il-mod kif ħafna ministri qed jabbużaw. Għalkemm Muscat jibqa’ jiddefendi l-abbużi madwaru, Oppożizzjoni effettiva u kredibbli qed turi lin-nies li f’anqas minn sentejn il-Gvern ta’ Muscat iddeġenera f’tellieqa min jaħtaf l-aktar, iddeġenera f’kor ta’ gideb u ddeġenera fi ħmieġ li jinten.
… u l-gideb dwar l-ekonomija
Oppożizzjoni effettiva u kredibbli kixfet il-gidba tal-Ministru Edward Scicluna li qed idaħħal eluf ta’ nies mal-gvern imma li gideb li dawn kienu xi perċezzjoni statistika. Kixfet taxxi moħbijin u antisoċjali li l-Gvern ta’ Muscat għamel fuq il-housing soċjali. Qed tikxef iż-żieda qawwija fid-dejn tal-pajjiż, l-għafsa fuq il-pagi b’żieda miżera li mhi xejn ħdejn l-għoli tal-ħajja reali, u n-nuqqas ta’ bejgħ fil-ħwienet u fl-industrija. Qed tikxef ukoll il-mod kif il-Gvern ta’ Muscat meta tagħti 30 ewro fuel lill-karozza qed jiċċarġjak bejn 9 u 12-il ewro żejda.
Partit apert li jipproponi tibdil għall-aħjar
L-Oppożizzjoni qiegħda wkoll tieħu ħafna inizjattivi biex isiru liġijiet ġodda u anke emendi fil-Kostituzzjoni ħalli jsir tibdil għall-aħjar. U internament fil-Partit Nazzjonalista qed tagħmel riformi biex isir partit aktar apert li jagħti viżjoni ġdida ta’ tmexxija ġenwina u onesta li tant hi nieqsa fil-Gvern ta’ Muscat.
Dan hu kif qed taħdem u kif qed tikseb ir-riżultati l-Oppożizzjoni mmexxija minn Simon Busuttil, Oppożizzjoni kredibbli u effettiva.
//= $special ?>