Lokali

Erba’ bniet għall-kura fl-Isptar Monte Carmeli

Mill-1 ta’ Awwissu 2014 ‘l hawn kien hemm erba’ bniet taħt it-18-il sena fil-Female Ward 1 tal-Isptar Monte Carmeli. L-età taghhom tvarja bejn il-15 u 17-il sena.

Din l-informazzjoni ngħatat fil-Parlament mill-Ministru għas-Saħħa u l-Enerġija Konrad Mizzi għal mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech, li staqsa wkoll x’jista’ jsir biex tfal taħt it-12-il sena jinżammu mhux fl-ambjent tal-Isptar Monte Carmeli iżda f’faċilitajiet oħrajn u separati mill-Isptar.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Fearne, li kien qed iwieġeb fin-nuqqas tal-Ministru Konrad Mizzi, fisser li din is-sena nbeda proċess għat-twaqqif ta’ units ġodda għall-kura tat-tfal fl-età ta’ bejn it-12 u t-18-il sena, kif ukoll unit ieħor għal etajiet iżgħar.

Hu mifhum li t-tenders għal dawn ix-xogħlijiet huma konklużi u mistennija jinħarġu dalwaqt. Dawn il-units mhux se jkunu fil-bini tal-Isptar, iżda fil-viċinanzi, fit-triq li tagħti għall-Isptar Monte Carmeli. Se jkun hemm ukoll Konsulent li jispeċjalizza fil-kura għas-saħħa mentali fuq it-tfal u l-adoloxxenti.

Il-Gvern qed jippjana li x-xogħlijiet ikunu lesti matul is-sena d-dieħla.