Tkompli l-kumpilazzjoni ta’ Erin Tanti mixli bil-qtil tal-istudenta tiegħu
Erin Tanti li qed jiġi mixli bil-qtil tal-istudenta tiegħu f’Jum San Ġużepp kien dejjem f’sensih, luċidu u bi ġrieħi superfiċjali u ma kellu l-ebda bżonn ta’ operazzjoni. Madankollu kellu ksur fil-kustilji u fl-irkiekel tad-dahar u kien għalhekk li ddaħħal fit-Taqsima tal-Kura Intensiva.
Tanti dam l-ITU mid-19 ta’ Marzu li għadda meta ġara l-każ sat-22 ta’ Marzu fejn wara ġie trasferit għal sala. Fil-25 ta’ Marzu huwa kien tajjeb biżżejjed biex joħroġ. Madankollu Tanti beda jilmenta li kien qed ikollu alluċinazzjonijiet viżwali u għalhekk fuq parir ta’ psikjatra dan intbagħat l-isptar Monte Carmeli.
Dan ħareġ mix-xhieda ta’ Angela Sultana, konsulent l-Isptar Mater Dei meta kienet qed tixhed fil-kumpilazzjoni quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli fil-konfront ta’ Erin Tanti ta’ 23 sena minn tal-Ibraġġ u li fi żmien l-inċident kien residenti l-Belt Valletta. Hu akkużat fost oħrajn bil-qtil ta’ Lisa Marie Zahra, l-istudenta tiegħu tad-drama, u li għenha tikkommetti suwiċidju. Zahra kienet instabet mejta taħt l-irdumijiet ta’ Ħad-Dingli fid-19 ta’ Marzu li għadda.
Fix-xhieda tagħha, il-konsulent kirurgu ġenerali fl-Isptar Mater Dei, Angela Sultana qalet li hi rat lil Erin Tanti għall-ewwel darba fl-20 ta’ Marzu, meta kien fit-Taqsima tal-Kura Intensiva. Spjegat li kien kompletament konxju. Qalet li meta eżaminatu kellu uġigħ fuq l-istonku, uġigħ fuq in-naħa ta’ isfel tax-xellug ta’ żaqqu u tbenġil. Żiedet tgħid li kellux bżonn operazzjoni. Qalet li Erin Tanti ġie trasferit mill-ITU lejn sala oħra meta ġie ċertifikat li kien stabbli.
Ix-xhud qalet ukoll li mis-CT Scan irriżulta li l-akkużat ma kellux problemi fil-fwied u li daħal l-isptar b’diversi feriti. Hi qalet dan wara intervent tal-Avukat Michael Sciriha waqt il-kontro-eżami. Kompliet tgħid li peress li kienet festa dakinhar hi ma kinitx xogħol u dakinhar kienu rawh it-tobba tal-għassa. Hija eżaminatu l-ewwel darba waqt li kienet qed idur is-swali l-għada 20 ta’ Marzu. Dakinhar qalet li kien f’sensih sew. Tenniet li kellu ftit uġiegħ fuq l-istonku u fin-naħa tax-xellug ta’ żaqqu viċin il-bużżieqa tal-awrina kif ukoll f’dahru, fejn dan l-uġiegħ kien wieħed persisenti.
Kien hawn li talbet li isirlu CT Scan għal żaqqu biex tara l-muskoli ta’ żaqqu. Qalet li kellu ħafna grif fil-muskoli ta’ żaqqu fuq ix-xellug. Qalet li kienet ordnatlu xi “antibiotics”.
Xehdet ukoll Lucy Giordimaina, omm is-sieħba ta’ Tony Zahra, missier Lisa Maria. Qalet li ilha taf lil Lisa Maria meta kellha tliet snin u ġieli għamlet “babysitting” magħha u anke ġieli ħadu kafè flimkien.
Giordimaina qalet li fid-19 ta’ Marzu ċemplitilha Tanya n-neputija ta’ Tony Zahra, li staqsiet jekk tistax tmur id-dar biex toqgħod ma’ Lisa. Spjegat li dak il-ħin kienu s-7am u hi kienet dieħla x-xogħol, talbet permess u marret wara siegħa. Qalet li hemmhekk kien hemm Nick, ħu Lisa u Tanya, li qalulha li l-lejl ta’ qabel raqad id-dar tagħhom xi ġuvni.
Lucy Giordimaina spjegat li marret ħdejn Lisa fil-kamra tagħha, għannqitha magħha u staqsitha tridx tiekol. Qalet li Lisa qaltilha li kienet se tidħol torqod għax kienet għajjiena.
Qalet li ħin minnhom semgħet lil Lisa titkellem fuq il-mowbajl, iżda ma tafx ma’ min. Kompliet tgħid li hi u Lisa kienu jitkellmu ħafna b’mod partikolari fuq suġġetti kurrenti, peress li Lisa kienet tinteressa ruħha f’kollox. Żiedet tgħid li Lisa qatt ma kienet titkellem magħha dwar il-problemi tagħha. Spjegat li qatt ma staqsietha għax kienu jieħdu ħsiebha tajjeb.
Għall-akkużat qegħdin jidhru l-Avukati Michael Scirha u Lucio Sciriha Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Keith Arnaud u Josric Mifsud filwaqt li l-Avukati Joseph Giglio, Gianella Demarco u Stephen Tonna Lowell qegħdin jidhru bħala parti ċivili f’isem il-familjari tal-vittma. Il-każ ikompli fit-30 ta’ Jannar li ġej bl-akkużat għadu jinżamm l-isptar Monte Carmeli.
//= $special ?>