Ekonomija Kummerċ Lokali

Farsons taħtar lil Michael Farrugia bħala Uffiċjal Ewlieni għall-Iżvilupp tan-Negozju

Farsons ħabbret li Michael Farrugia inħatar Uffiċjal Ewlieni għall-Iżvilupp tan-Negozju tal-Grupp Farsons bil-għan li jiffoka fuq l-iżvilupp ta’ strateġija għall-esportazzjoni għal medda itwal ta’ żmien, f’konformità mal-viżjoni tal-Bord ta’ Farsons. Michael Farrugia se jkun qed jirrapporta lill-Kap Eżekuttiv tal-Grupp Farsons, Norman Aquilina u qed jingħaqad mal-Bord Eżekuttiv tal-Grupp.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Farsons Norman Aquilina qal li fil-kariga l-ġdida tiegħu, Michael Farrugia se jiffoka u jixħet l-attenzjoni tiegħu fuq it-taqsima tal-iżvilupp tan-negozju internazzjonali tagħna u se jkun qed imexxi u jappoġġja lit-tim fil-fażi li jmiss ta’ internazzjonalizzazzjoni, fi tħejjija għal-linja l-ġdida tagħna tal-ippakkjar tal-birra li mistennija tibda topera f’April 2016. Żied jgħid li l-esperjenza ta’ Michael Farrugia fin-negozju tpoġġih f’sitwazzjoni tajba għal dan ir-rwol ewlieni tiegħu, hekk kif Farsons se tibqa’ tfassal u ssaħħaħ il-viżjoni u l-istrateġija internazzjonali tagħha.
 
L-istrateġija tat-tkabbir ta’ Farsons hi msejsa fuq iż-żewġ pilastri tal-innovazzjoni u l-esportazzjoni. L-istrateġija għat-tkabbir tan-negozju internazzjonali kienet ibbażata mhux biss fuq il-viżjoni ta’ opportunitajiet ġenwini lil hinn minn pajjiżna u tal-limitazzjonijiet li joffri d-daqs tas-suq domestiku, imma wkoll fuq il-fatt reali li t-tkabbir internazzjonali jgħin lill-kumpanija tagħna tilħaq ekonomiji ta’ skala, iżżid l-effiċjenza fl-operat tagħha, u ssaħħaħ il-kompetittività. 

L-għan tal-iżvilupp ta’ strateġija internazzjonali hu msaħħaħ kemm bl-investiment ta’ 27 miljun ewro f’faċilità għall-ippakkjar tal-birra, kif ukoll b’titjib kontinwu fis-sistema tal-ippakkjar u fil-portfolju tal-birra tal-kumpanija.
   
Bħala kap tat-taqsima tal-appoġġ għan-negozju tagħna, Michael Farrugia, li hu gradwat mill-Università ta’ Edinburgh, kien responsabbli mir-reklamar, mis-servizzi ta’ għajnuna teknika u minn oqsma oħra bħall-Festival tal-Birra ta’ Farsons. Minn meta ngħaqad mal-kumpanija, fl-2006, dejjem kellu rwol attiv fl-innovazzjoni tan-negozju u tal-prodotti, u fl-opportunitajiet tat-tkabbir, kemm lokalment kif ukoll barra l-pajjiż.

Fl-okkażjoni tal-ħatra tiegħu f’dil-kariga l-ġdida Farrugia qal li qed iħares ’il quddiem għal din l-opportunità li jaħdem ma’ tim ta’ nies impenjati biex flimkien Farsons tittieħed fl-istadju tat-tkabbir li jmiss.