Franza qed taħseb biex tipprojbixxi sigarett elettroniku ġdid li fih il-kannabis (ħaxixa). Is-sigarett kien introdott ftit jiem ilu, bil-messaġġ li l-prodott jipprovdi ‘sens tas-serħan iżda l-ebda waħda mill-effetti tipiċi fuq il-moħħ’ li huma assoċjati mal-ħaxixa.
Intant, il-Ministru Franċiż tas-Saħħa, Marisol Touraine, qalet li l-prodott għandu ‘jixpruna l-konsum tal-kannabis’ u qed taħseb biex tirrikorri l-qorti ħalli taċċerta li s-sigarett jitneħħa mis-suq. Touraine anki enfasizzat l-oppożizzjoni tagħha għal sitwazzjoni ‘li tippermetti l-kummerċ bi prodott ta’ dan it-tip fi Franza’.
Is-sigarett elettroniku inkwistjoni kien introdott mill-kumpannija Franċiża-Ċeka bl-isem Kanavape, bil-messaġġ promozzjonali jtenni li l-produtturi ‘jittamaw li dan is-sigarett joffri mezz legali biex miljuni tan-nies jikkunsmaw il-kannabis’.
It-tipjip tal-e-cigarettes — jew ‘vaping’ – hu moda ferm fi Franza. Sadanittant, u waqt li ħafna Franċiżi sabu l-mezz kif ‘jirranġaw’ l-e-cigarettes b’mod li jistgħu jpejjpu l-ħaxixa, il-kumpannija Kanavape tinsisti li l-prodott tagħha hu ‘mija-fil-mija legali’.
Il-kumpannija, f’dan il-każ, ħarġet il-Cannabidiol – element tal-ħaxixa li ma fihx l-ingredjent THC li kapaċi jibdel l-istat tal-moħħ – mill-hemp; varjeta ta’ kannabis li jikkultivaw għall-fibre u għaż-żerriegħa.
Intant, il-Kanavape tgħid li l-hemp jiġi kkultivat fl-irziezet ta’ Franza, Spanja u r-Repubblika Ċeka mingħajr ma jintużaw kimika u fertilizzant. Il-kumpannija tispjega, fuq il-websajt, li filwaqt li l-Cannabidiol ‘ma tħallix l-effett ewforiku’, is-sigarett ġdid jipprovdi xorta esperjenza unika għaliex jgħin ħalli persuna ‘tħossha aktar rilassata’.
L-użu tal-ħaxixa jibqa’ illegali fi Franza, madankollu l-pajjiż jippermetti biex l-ingredjenti attivi ta’ din id-droga jintużaw għall-iskopijiet mediċi.
//= $special ?>