Lokali

IL-ĠURNALI DALGĦODU

Analiżi tal-ġurnali ppubblikati llum, il-Ġimgħa 19 ta’ Diċembru 2015.

IN-NAZZJON bl-istorja prinċipali tkun dwar il-ħabta mis-Segretarju Parlamentari Jose’ Herrera. Joe Mikallef jirraporta li Herrera ma eskludiex li laqat karozza imma qal li l-ħabta kienet żgħira u m’għamilx rapport. It-tieni storja fil-faċċata ta’ IN-NAZZJON hi dwar il-każ fil-Qorti b’rabta maż-żgħażugħ barrani li nqabad mill-ġdid wara li kien ħarab mill-kustodja tal-Pulizija, u li tressaq il-Qorti akkużat bi stupru. Fil-faċċata, tlett referenzi żgħar ukoll għal stejjer oħra fil-parġni ta’ ġewwa ta’ IN-NAZZJON fosthom dwar il-mod kif l-MUMN tqabbel is-sitwazzjoni tal-operazzjonijiet f’Mater Dei mat-Torri ta’ Babel, dwar il-proġett li jfakkar il-50 anniversarju tal-Indipendenza u l-10 snin tas-sħubija fl-UE u dwar il-mewt tal-istilla Taljana taċ-ċinema Virna Lisi.

L-ORIZZONT – b’rapport fil-faċċata minn Victor Vella li jirrapporta li fil-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar hemm pressjoni biex jitneħħew numru ta’ impjegati b’diżabilita’. Il-faċċata tagħmel referenza għal xi stejjer li jinsabu fil-paġni ta’ ġewwa, foshtom dwar li l-koppji li daħlu f’Unjoni Ċivili s’issa huma kollha koppji tal-istess sess u dwar l-iffirmar tal-ftehim ma’ Autobuses de Leon li se jseħħ fil-jiem li ġejjin.

TIMES OF MALTA – Jispikka ritratt mill-propost f’żvilupp f’hekk imsejjaħ il-‘Pjazzetta’ f’Tas-Sliema li se jara l-iżvilupp tal-inħawi tal-eks-Klinika Navali li wara approvazzjoni tal-MEPA se tkun inkorporata f’binja ġdida. Storja oħra fil-faċċata ta’ TIMES OF MALTA tgħid li l-kont tat-tisjir u t-tindif f’Mater Dei għas-sena 2013 kien €3.4 miljun aktar minn kemm kien previst.

THE MALTA INDEPENDENT – Ukoll b’ritratt mill-iżvilupp li se jsir f’Tas-Sliema b’rabta mal-eks-Klinika Navali tas-seklu 19. Il-faċċata tirraporta wkoll l-istorja dwar il-ħabta mis-Segretarju Parlamentari Jose’ Herrera kif ukoll storja oħra dwar kif il-gwardjani lokali jistgħu jipparkjaw f”areas’ restritti f’ċertu kundizzjonijiet.