Qorti

Involut fi ġlieda wara li għajjar tfajla kerha u li dejqitu

Anthony McKay, ta’ 44 sena mill-Belt, ġie kkundannat sitt xhur ħabs sospiżi għal sena mill-Maġistrat Miriam Hayman wara li nstab ħati li f’Jum il-Vitorja ta’ erba’ snin ilu kien involut fi ġlieda ma’ sieħbu fi Triq is-Santwarju f’Ħaż-Żabbar wara li għajjar tfajla kerha.

Il-ġlieda tant eskalat li McKay allegatament qala’ tliet daqqiet b’martell mingħand sieħbu, Brian Buhagiar, li ftit qabel kien qed jixrob miegħu. L-inċident seħħ għall-ħabta tat-3.30am, b’Buhagiar instab ħati li kkaġuna feriti ħfief fuq McKay, kif ukoll li kiser il-paċi pubblika b’għajjat u ġlied.

Minkejja li kien hemm l-akkuża li sar reċidiv, il-Qorti qalet li ma taħsibx li piena karċerarja hi l-aħjar waħda fiċ-ċirkostanzi, anke minħabba li l-partijiet irranġaw id-differenzi. Il-Qorti qalet ukoll li hi qieset il-kondotta kkulurita ta’ McKay, iżda hawn ukoll kien meqjus li l-imputat ġie aggredit qabel m’hu rreaġixxa.

L-Avukat Kris Busietta, li ddefenda lil Buhagiar u lil Alan Gatt, l-għarus tat-tfajla, irrinunzja li jitkomplew il-proċeduri kontra McKay.

Fl-istqarrija tiegħu, l-akkużat qal li waqt li kienu qed jixorbu hu u Brian, għajjar lit-tfajla ta’ Alan Gatt, li kienet kerha u li dejqitu. Din qabdet u telqet ‘il barra, bi Brian beda jgerger u ssupervja, u bħalha telaq ‘il barra.

Qal li aktar tard, Brian kien ċempillu u beda jiċċalenġjah għall-ġlied, jgħajru u jheddu. Tenna li wara li għaddiet għalih oħtu, kienu għaddejjin minn ħdejn il-monument tal-ex President Agatha Barbara u raw lil Brian ipparkjat, u miegħu kellu lil Alan u lill-għarusa tiegħu.

Hawn hu waqaf jistaqsi lil Brian, għaliex kien qed jgħidlu dak id-diskors meta kien xeba’ jaqbadlu mal-mara. L-imputat qal li Brian, ħareġ martell li kien iżomm fil-karozza, u qabad jagħtih bih. Huwa qal li Alan tah ukoll daqqa ta’ ponn tal-ħadid, mentri t-tfajla ta’ Alan marret tagħti lil oħtu, li din bdiet tgħajjat li kienu se joqtluh.

McKay qal “jien meta kont muġugħ qomt minn ma’ l-art, dort mal-Pajero tiegħu u tajt daqqa fuq il-bonnet tagħha u tlaqna.”

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Fabian Fleri filwaqt li l-Avukat Arthur Azzopardi deher għal McKay. Sadanittant fil-Qorti qegħdin jittieħdu proċeduri separati fil-konfront ma’ persuni oħra li kienu nvoluti fil-każ.