Internazzjonali

Magaluf: Minn ‘pub crawls’ għal zona tat-turisti maturi

L-awtoritajiet f’Magaluf, fi Spanja, iridu jibdlu dan ir-resort magħruf għall-konsum eżaġerat tal-alkoħol u l-attivitajiet sesswali fost iż-żgħażagħ barranin f’zona għal turisti ‘aktar maturi’

Hu ippjanat fost oħrajn li jieqfu l-‘pub crawls’ tradizzjonali u l-konsum tal-alkoħol fit-toroq waqt li mistenni li l-pulizija Britannika, fix-xhur li ġejjin, jaslu fiz-zona biex jgħinu għaż-żamma tal-ordni — b’mod partikolari f’Punta Ballena li hi popolari ħafna mat-turisti

Ir-resort ta’ Magaluf, fuq il-Gżira ta’ Mallorca, ħa reputazzjoni ħażina minħabba l-aġir tat-turisti żgħażagħ li, sena wara l-oħra, jitilfu kull sens ta’ dekor u ta’ ‘dak li hu aċċettabbli’.

Il-Britanniċi huma fost l-aktar li ‘jeżaġeraw’ f’dan is-sens, bl-uffiċjali u r-residenti regolari f’Magaluf — l-istess bħall-uffiċjali fil-muniċipalita ta’ Calvia — issa jgħidu daqshekk għall-‘kalvarju’ li qed jgħaddu minnu kull sajf.

Fil-fatt, il-pjani jesiġu biex Magaluf jinbidel f’zona għall-barranin maturi sa minn qabel l-istaġun ġdid għat-turiżmu. Dan ifisser proċess ta’ ‘rijabilitazzjoni’ għall-ispazji riservati għall-pubbliku li jelimina kull potenzjal tal-aġir anti-soċjali.

Fl-istess ħin, is-sidien tal-istabbilimenti tax-xorb u l-organizzaturi tal-avvenimenti għat-turisti ingħataw sa sitt xhur biex jispjegaw kif se ‘jikkonformaw għar-regoli ġodda’.