Jaħsbu li militanti mal-grupp Stat Iżlamiku (ISIS) aġixxa ‘waħdu’ biex joqtol talanqas 150 mara u tfajla — uħud minnhom tqal — wara li huma rrifjutaw li jiżżewwġu lill-ġellieda fanatiċi ta’dan il-moviment brutali.
Il-militanti, li jismu Abu Anas Al-Libi, spara għal fuq in-nisa waqt esekuzzjoni tal-massa, qabel difinhom fl-artijiet ta’ Fallujah, fil-provinċja ta’ Al Anbar, fl-Iraq.
Qed jingħad li n-nisa maqtula kienu membri tal-komunita Yazidi u li dawn irrifjutaw forma ta’ ‘żwieġ temporanju’ mal-militanti tal-ISIS. Li kieku sar dan, in-nisa kien ikollhom jgħixu l-ħajja ta’ skjavi li jkunu suġġetti għall-ħteġiet sesswali tal-ġellieda fanatiċi.
Stqarrija mill-Ministeru Iraqi għad-Drittijiet Umani qalet li numru ta’ nisa massakrati b’dan il-mod kienu fi stat ta’ tqala, bil-‘bojja’ jissemma bħala Abu Anas Al-Libi.
Il-qattiel inkwistjoni mhux l-estremista (bl-istess isem) li allegatament għen imexxi l-attakki terroristiċi tal-1998 fuq l-Ambaxxati tal-Istati Uniti, ġol-Kenja u t-Tanżanija. L-attakki speċifiċi kienu ħallew mal-224 maqtula.
Intant, ħafna familji kellhom jemigraw mill-belt ta’ Al-Wafa, lejn it-Tramuntana ta’ Al Anbar, wara li mijiet tar- residenti rċevew it-theddid tal-mewt mingħand il-militanti.
//= $special ?>