Ekonomija Kummerċ Lokali

Minn Jannar l-Air Malta se tagħti baguette u nofs litru ilma f’kull flight – il-biljett se jibqa’ l-istess prezz

Ikel u xorb ieħor ikun jista’ jinxtara

Fi stqarrija l-Air Malta ħabbret li minn Jannar se jkun hemm bidliet ‘kbar’ fit-titjiriet tal-linja tal-ajru u filwaqt li l-passiġġieri tal-Klassi ‘Club’ se jibbenefikaw minn menu aħjar matul it-titjira, il-passiġġieri ‘Economy’ se jingħataw baguette u nofs litru ilma.

Dan filwaqt li se jkun hemm disponibbli varjeta’ ta’ ikel u xorb għall-bejgħ għal min ma jkunx irid il-baguette li se jingħata b’xejn.

Fi stqarrija, iċ-Chairperson tal-Air Malta Maria Micallef qalet li dan il-ftehim hu pass importanti għall-Air Malta li se jara lil-linja tal-ajru nazzjonali tiffranka €4 miljun kull sena.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Air Malta Philip Micallef min-naħa tiegħu qal li apparti mill-iffrankar ta’ spejjeż ewlenin, dan il-pass se jkun qed jiżgura li jiġi provdut prodott ta’ kwalita’. Qal li l-klijenti li jivvjaġġaw fil-klassi ‘Economy’ se jingħataw ‘baguette ta’ kwalita’ tajba’, madanakollu se jkollhom ukoll l-opportunita’ li jixtru varjeta’ ta’ oġġetti ta’ kwalita abbord l-ajruplan.

Fl-istqarrija l-Air Malta qalet ukoll li qed tirrevedi wkoll kuntratti oħra fl-oqsma varji tal-operat tagħha biex jitnaqqsu aktar l-ispejjeż filwaqt li jkun żgurat esperjenza aħjar għall-klijent.