Ekonomija

Problemi finanzjarji kbar għar-Russja

Hekk kif is-swieq finanzjarji Ewropej u Amerikani komplew jirkupraw ftit mit-telf li kienu ġarrbu fl-aħħar ġimgħat, id-dinja kollha segwiet dak li kien qed jiġri fir-Russja. Il-munita Russa ħadet l-akbar daqqa fl-istorja kontra d-Dollaru Amerikan u l-ewro. F’temp ta’ ftit xhur, din il-munita ġiet tiswa n-nofs ta’ li kienet.

Il-Bank Ċentrali Russu pprova juża’ kull mod possibbli biex iwaqqaf din id-daqqa kbira fuq il-munita ta’ dan il-pajjiż-ġgant, iżda dan ma kienx biżżejjed. Jidher li hemm bżonn sentejn biex ir-Russja tirkupra dak li tilfet fl-aħħar ġimgħat. Sadanittant, is-sanzjonijiet fuq ir-Russja mill-Istati Uniti u l-Ewropa għadhom fis-seħħ.

Fl-aħħar ġimgħat, l-indiċi Amerikan S&P 500, li jinkludi bosta kumpaniji kbar Amerikani, kompla jirkupra mit-telf li konna rajna lejn l-aħħar tas-Sajf. L-istess qed jiġri fis-swieq Ewropej. Fl-Ewropa hemm pajjiżi bħall-Portugall u l-Awstrija, fejn l-indiċi finanzjarji għadhom batuta. L-indiċi Ġermaniż u dak Ingliż jinsabu lura f’livelli għoljin.

Is-suq tal-bonds baqa’ wieħed ferm b’saħħtu. L-ishma ta’ Volkswagen żiedu fil-valur fl-aħħar jiem, filwaqt li dawk ta’ Lufthansa komplew jitilfu fil-valur. Vodafone ukoll rat żieda ta’ 20% fil-valur tal-ishma fl-aħħar xahrejn. Dawn l-istess ishma kienu tilfu fil-valur fl-ewwel xhur tas-sena. L-ishma ta’ Tesco tilfu nofs il-valur tagħhom matul din is-sena.

Il-kumpanija tat-tyres Michelin rat tnaqqis ta’ 25% fil-valur tal-ishma fl-aħħar xhur. Għall-kuntrarju, l-ishma ta’ Phillips tjiebu b’10% fl-aħħar ġimgħa.

Iż-żejt fuq fomm kulħadd

Hekk kif il-prezz taż-żejt kompla jieħu daqqa ‘l isfel, u saħansitra kien $53 dollaru kull barmil fl-aħħar jiem, analisti minn madwar id-dinja qed jitkellmu dwar dan. Konna ilna snin twal ma naraw fenomenu bħal dan iseħħ. F’temp ta’ sitt xhur, il-prezz niżel minn $110 għal $53. Bosta pajjiżi huma kuntenti b’dan, hekk kif naqas sew il-prezz tal-petrol u d-diesel. Pajjiżi li jipproduċu iż-żejt huma nkwetati ferm.

Aktar kumpaniji tal-enerġija jfallu

Kumpaniji li joperaw fis-settur tal-enerġija qed jiffaċċjaw problemi kbar. Bil-prezz taż-żejt f’livelli baxxi, dawn qed isibuha ferm diffiċli biex joperaw. Kumpaniji li jimmanifatturaw turbini tar-riħ raw l-ishma tagħhom jieħdu tisbita fl-aħħar xhur.

Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd | www.mpmci.net | tel 21493250

L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.