FUTBOL: F’konferenza tal-aħbarijiet li saret ilbieraħ Adrian Casha, Kap tad-Dipartiment tar-Refereeing tal-MFA żvela li, kif kien diġa’ antiċipa dan il-ġurnal, Malta reġgħet kisbet ir-referees u l-assistent referees li kienet tilfet is-sena li għaddiet.
Pajjiżna issa għandu lura erba’ referees u tmien assistenti internazzjonali irġiel, referee mara, refeee tal-Futsal u żewġ referees tal-Beach Soccer. Sena ilu Malta kienet tilfet referee u żewġ assistant referees.
Għas-sena li ġejja issa Malta se jkollha erba’ referees (Adrian Azzopardi, Marco Borg, Clayton Pisani u Alan Mario Sant) u tmien assistenti (Alan Camilleri, William Debattista, Mitchell Scerri, Edward Spiteri, Ingmar Spiteri, Jurgen Spiteri, Duncan Sultana u Roberto Vella). Dawn flimkien mar-referee mara Esther Azzopardi, referee tal-futsal, Franco Cachia u r-refeees tal-Beach Soccer Stefan Pace u Jude Amin Utulu.
Clayton Pisani ġie promoss għall-ewwel kategorija tal-Uefa u dan ifisser li jista’ jikkontrolla partiti mill-fażi tal-gruppi tal-Europa League u mill-fażi tal-gruppi tar-rawnd ta’ kwalifikazzjoni għall-Euro 2016. Miegħu, Pisani, f’dawn il-partiti se jkollu ħames uffiċjali Maltin oħra.
Pisani kien wieħed minn disa’ referees li ġew promossi għal din il-kategorija. Dan ma kienx faċli għal Pisani meta wieħed iqis li kien hemm 77 referee li qed jiġu eżaminati biex jiksbu post f’din il-kategorija. Pisani issa jonqsu biss javanza kategorija oħra li hi magħmula minn 22 referee Elite u la darba jkun jagħmel parti minn din il-kategorija Pisani jkun jista’ jikkontrolla partiti mill-fażi tal-gruppi taċ-Champions League, jew fażi finali ta’ Kampjonati Ewropej jew tat-Tazza tad-Dinja.
Alan Mario Sant ġie promoss fit-tieni kategorija tal-Uefa. Dan ir-referee kien qed jikkompeti ma’ 102 referee biex kiseb post f’din il-kategorija.
Din is-sena l-Uefa tat 23 promozzjoni minn tnejn minn dawk li kisbu promozzjoni kienu referees Maltin.
Iż-żieda fir-referees għal pajjiżna hi ta sodisfazzjon kbir speċjalment meta wieħed iqis li bħalissa hu żmien fejn il-UEFA qed tipprova tnaqqas ir-referees aktar milli iżżidhom spjega Casha.
“Din is-sena ilħaqna tliet trawgwardi importanti, iż-żieda tal-uffiċjali internazzjonali fuq il-Panel tal-FIFA biex issa Malta reġa’ għandha 16 bħal ma kellja fl-2013 kif ukoll iż-żewġ promozzjonijiet li ingħataw Pisani u Sant,” kompla jgħid Casha.
Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm anke Bjorn Vassallo, Segretarju Ġenerali u Alex Manfre’, Viċi President u Chairman tar-Referees Committee tal-MFA.
Minn naħa tiegħu Vassalo qal li din l-aħbar eċċellenti hi frott tax-xogħol kbir li qed isir fi ħdan id-dipartiment tar-referees. “Biex inkun onest ma stennejtx li se niksbu riżultati daqstant pożittvi f’dan iż-żmien qasir. Dan hu kollu grazzi għax-xogħol li jsir minn nies dedikati. Is-settur tar-referees hu settur importanti u minkejja li matul l-istaġun ikun hemm xi kritika,” temm jgħid Vassallo.
Ritratt: Clayton Pisani (xellug) u Alan Mario Sant (lemin) kisbu promozzjonijiet importanti fi ħdan il-UEFA
//= $special ?>