Qorti

Sentejn u disa’ xhur ħabs fuq kiri ta’ djar mhux tagħha u terġa’ titressaq

Annabelle Camilleri Monreal ta’ 29 sena residenti x-Xemxija kienet kundannata sentejn u disa’ xhur ħabs wara li nstabat ħatja li kienet tikri djar jew appartamenti mhux propjeta’ tagħha.

Wara li tressqet il-Ħamis li għadda u ammettiet li kriet mill-anqas ħames appartamenti li ma kienux tagħha lil terzi persuni u fuqhom ħadet mill-anqas kirja ta’ €500 fix-xahar hija ġiet kundannata disa’xhur ħabs fuq ir-reati li wettqet dan ix-xahar u fuq ix-xhur ta’ qabel.

Hija kienet kundannata disa’ xhur ħabs fuq dan il-każ u sentejn oħra fuq każijiet oħra simili wara li kienet ingħatat sentenza sospiża.

Sadanittant Monreal tressqet il-Qorti wara nofs inhar wara li ġiet mixlija wkoll li kriet propjeta’ tagħha f’San Pawl il-Baħar u reġgħet gidmet diversi nies meta ħaditilhom il-flus ta’ kerha ta’ propjeta’ li mhijiex tagħha.

L-Avukat Noel Bianco li deher għaliha qal li din daħlet f’nassa mhux tort tagħha u kellha problema ta’ usura, li qed tipprova tindirizza. Huwa qal li jaf li għandha diversi problemi u li min jaf kemm hemm persuni li qegħdin imorru l-Għassa minħabba li għandhom jieħdu xi flus mingħandha.

L-Ispettur Godwin Scerri, qal li huwa minnu dak li qal l-avukat difensur tagħha fejn numru kbir ta’ nies qegħdin jgħidu li ngidmu minħabba fiha.Qal li qed tagħmel Monreal hu li tiffroda lil xi ħadd biex tħallas lil ieħor u li l-migduma qegħdin jiżdiedu. Kien għalhekk li l-Qorti preseduta mill-Maġistrat Doreen Clarke, ma laqgħetx it-talba għal-liberta’ proviżorja tagħha. Monreal appellat ukoll is-sentenza ta’ħabs mogħtija lilha mill-Maġistrat Audrey Demicoli.

Qed ikun allegat li Monreal kkonvinċiet lill-kumpanija, li l-Kunsill Lokali taż-Żurrieq kien ħareġ tender u li hi kienet se tgħinhom. Hi talbtihom €3,000 biex tagħmlilhom il-preparamenti kollha ħalli l-kumpanija tirbaħ tender dwar ħajt tas-sejjiegħ li kellu jinbena mill-ġdid.