L-eks-Prim Ministru tar-Renju Unit, Tony Blair, indika għall-ewwel darba li lest iwieġeb għal mistoqsijiet dwar ‘dak li kien jaf’ rigward il-kumpliċita tar-Renju Unit fit-tortura ta’ persuni suspettati dwar terroriżmu.
Blair, li kien imexxi l-Partit Laburista fil-Gvern, ilu taħt pressjoni mill-membri ewlenin ta’ dan il-partit li jriduh jippreżenta ruħu għal inkjesta li titratta l-informazzjoni dwarl -abbuż tat-terroristi suspettati taħt idejn is-servizzi tas-sigurta Amerikani.
L-Uffiċċju ta’ Blair qal lil The Times, ta’ Londra, li l-eks-Prim Ministru Britanniku għad ma ġiex infurmat li għandu jidher quddiem l-Intelligence and Security Committee (ISC) tal-Parlament, ‘iżda għandu jaċċetta l-istedina ladarba tasallu’.
Kelliema għal dan l-Uffiċċju qalu li riedu jneħħu kull dubju li ‘Tony Blair minn dejjem kien kontra t-tortura u li (hu) dejjem insista dwar dan pubblikament u fil-privat’. Huma komplew li Blair iqis it-tortura bħala ‘kompletament inaċċettabbli’ u li d-dokumentazzjoni tal-Gvern li ħarġet għall-konsum tal-publiku tappoġġja din il-pożizzjoni.
Min-naħa tagħha, il-Ministru tal-Intern (Home Secretary) tar-Renju Unit, Theresa May, ċaħdet għas-sejħiet biex Imħallef imexxi investigazzjoni dwar l-involviment ta’ pajjiżha fit-tortura.
Dan ifisser li l-inkjesta tal- ISC kapaċi sservi bħala l-uniku forum fejn Tony Blair jista’ jkun interrogat dwar dak li kienu jafu hu u l-membri l-oħra tal-eks-Gvern Laburista.
Hemm ukoll il-possibbilta li Jack Straw u David Milliband, li servew bħala Ministru għall-Affarijiet Barranin ( Foreign Secretary) taħt Blair, jissejjħu għal quddiem l-ISC.
Fl-istess ħin hemm element qawwi ta’ konfużjoni dwar dak ‘li kien jaf’ l-eks-Gvern Laburista Britanniku fi żmien l-abbużi ( tortura) ta’ wara l-attakki terroristiċi tal-2001 mill-grupp Al-Qaida fuq l-Istati Uniti.
//= $special ?>