Lokali

AĠĠORNATA: “Il-Gvern Malti qed jirrikonoxxi rappreżentant Libjan illeġittimu” – Hussein Musrati

Il-kunflitt fil-Libja, fejn hemm żewġ Gvernijiet jisħqu li huma l-Gvern leġittimu tal-pajjiż, qed iħalli l-effetti tiegħu f’Malta ukoll hekk kif jidher li hawn nuqqas ta’ qbil dwar min hu r-rappreżentant leġittmu tal-Libja f’Malta.

Is-Sibt waranfosinhar issejjħet laqgħa fil-bini tal-Ambaxxata Libjana f’Malta, fejn Hussein Musrati qed jinsisti li hu r-rappreżentant leġittmu tal-Libja f’Malta, f’isem il-Gvern hekk imsejjah ‘Salvation Government’ ibbażat fi Tripli.

Dan wara li l-Gvern rivali fil-Libja, dak ibbażat f’Tobruk, kien iddikjarat mill-Qorti Kostituzzjonali tal-Libja bħala wieħed illeġittmu.

Waqt il-Konferenza tal-Aħbarijiet, Hussein Musrati appella lill-Gvern Malti biex jirrikonoxxi lilu bħala r-rappreżentant leġittmu tal-Libja f’Malta.

Dan hekk kif bħalissa l-Gvern qed jirrikonoxxi lir-rappreżentant appuntat mill-Gvern f’Tobruk.

Musrati qal li madwar xahar ilu huma kitbu lill-Ministru tal-Affarijiet Barranin George Vella biex jiltaqgħu u jiddiskutu s-sitwazzjoni, madanakollu l-ittra tagħhom baqgħet mhux imwieġba.

Intant fi stqarrija maħruġa b’reazzjoni għal din l-aħbar, il-Gvern Malti iddefenda ruħu billi qal li qed jimxi b’mod konformi mal-linja ta’ azzjoni kif irrakkomandati mill-Ġnus Magħquda u l-Unjoni Ewropea dwar kif għandna naġixxu f’din is-sitwazzjoni delikata.

Il-Gvern Malti qal li ilu x-xhur jieħu sehem f’attentati serji biex jissaħħaħ id-djalogu fil-Libja u li jwassal għall-Gvern tranżitorju li jittama li jwassal għall-paċi u jinsab kommess li jara poplu Libjan magħqud.

Il-Gvern saħaq li kif diġà ddikjara drabi oħra, qatt ma ndaħal u mhux beħsiebu jindaħal fl-affarijiet interni tal-Libja.