F’dawn l-aħħar sitt snin, il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa kien jorganizza Milied Mellieħi, attivita’ mifruxa fuq ġimgħa b’diversi spettakli u rappreżentazzjonijiet taħt tinda kbira fil-pjazza ewlenija tal-Mellieħa.
Il-Qofol kien jintlaħaq f’lejliet il-Milied bi presepju ħaj, priedka u purċissjoni bil-Bambin kif ukoll kolazzjon wara l-quddies ta’ nofsillejl.
Issa din l-attivita’, inqatlet mill-Kunsill Lokali b’maġġoranza Laburista b’diversi Mellieħin urtati minn din id-deċiżjoni.
Wara Betlehem f’Għajnsielem, Milied Mellieħi kienet l-ikbar attivita’ organizzata f’Malta li kienet tiġbed lejha eluf ta’ Maltin u turisti, tiġġenera kummerċ għan-negozji fil-lokalita’ kif ukoll kienu jinġabru ‘il fuq minn 35 elf ewro għall-Istrina u Dar tal-Providenza.
Milied Mellieħi kien beda fl-2008 b’inizzjattiva tal-Kunsill Lokali b’maġġoranza Nazzjonalista u s-Sindku Robert Cutajar, illum Deputat.
Minbarra l-kummerċ, u l-attivita’ filantropika, l-attivita’ kienet iżżid l-ispirtu ta’ għaqda fost il-komunita’ b’diversi għaqdiet jagħtu sehemhom.
Minflok Milied Mellieħi, il-Kunsill Laburista tal-Mellieħa qed jipproponi attivita’ ta’ ftit sigħat lejliet l-Ewwel tas-Sena li se tiswa’ iktar mill-istess Milied Mellieħi. Din l-attivita’ se tkun ippreżentata mill-ġurnalista tal-istazzjon Laburista Janice Bartolo.
Milied Mellieħi hi biss waħda mill-attivitajiet li kienu jiġu organizzati mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa li issa twaqqfu.
Residenti qed jinnutaw it-telqa mhux biss min-nuqqas ta’ ħeġġa u organizzazzjoni waqt l-attivitajiet popolari iżda wkoll fit-twettiq ta’ proġetti infrastrutturali ġodda.
//= $special ?>