Fundamentalment il-bniedem irid l-aktar ħaġa bażika, jiġifieri li jgħix fil-paċi. U dan għandu jkun Milied li jispirana biex ngħixu fil-paċi.
Qal dan il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt is-serata ‘Milied Flimkien’, li għal sena oħra ttelgħet bil-għan li l-awtoritajiet u l-mexxejja tal-pajjiż, ilkoll flimkien, jagħtu l-awgurju tagħhom f’dan iż-żmien ta’ festi.
Is-serata ttellgħet fil-bitħa tal-palazz tal-President fil-Belt Valletta u kienet indirizzata mill-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca, mill-Prim Ministru Joseph Muscat, mill-Amministratur Appostoliku Monsinjur Charles Scicluna u mill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil.
Simon Busuttil qal li s-sena 2014 kienet sena li matula l-poplu ċċelebra numru t’anniversarji importanti, u saħaq kif dak li jibqa’ fil-memorja hija l-għaqda li tirrenja. Semma wkoll lill-eluf ta’ Maltin li jagħmlu xogħol volontarju f’numru ta’ oqmsa u rringrazzjahom tal-impenn u d-dedikazzjoni tagħhom.
Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca qalet li t-turija t’għaqda fost il-mexxejja m’għandiex tillimita ruħha biss għal dan iż-żmien ta’ festi, iżda għandha tkun għaqda li tibqa’ matul is-sena kollha.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Joseph Muscat saħaq li l-Milied hu okkażjoni ta’ ferħ, għaqda u xewqat sbieħ, fejn faħħar il-qalb kbira tal-Maltin li f’dan iż-żmien jingħaqdu flimkien biex ikunu solidali lejn ħaddieħor.
Il-messaġġ t’għaqda twassal ukoll minn Monsinjur Charles Scicluna li appella biex il-poplu Malti jgħix il-Milied bħala familja minkejja l-mumenti diffiċli li jistgħu jinqalgħu minn żmien għal żmien.
//= $special ?>