Kuċċier ta’ 66 sena ttieħed l-isptar wara li s-serkin li kien fuqu ntlaqat minn karozza li baqgħet sejra fi Triq Mikelanġ Sapiano, f’Ħaż-Żebbuġ. Il-każ seħħ għall-ħabta tal-ħamsa ta’ filgħodu.
L-anzjan ittajjar minn fuq is-serkin u spiċċa mal-art, bis-sewwieq tal-vettura li laqtitu jitlaq minn fuq il-post.
Uffiċjali tal-Pulizija waslu fil-post wara li ġew infurmati li r-raġel kien mal-art f’din it-triq, bi ġrieħi f’wiċċu. Fuq il-post wasal ukoll tim mediku mill-Isptar Mater Dei li ħa lir-raġel għall-kura. Għad mhix magħrufa l-kundizzjoni tar-raġel.
Immedjatament l-uffiċjali tal-Pulizija mid-distrett bdew l-investigazzjonijiet tagħhom u rnexxielhom jwaqqfu lir-raġel li allegatament tajjar lill-kuċċier. Hu qed jinżamm biex jgħin fl-investigazzjonijiet.
//= $special ?>