Lokali

Sa ftit qabel, Josè Herrera, kien qiegħed “party” f’bar f’San Ġiljan

Ftit tal-ħin qabel l-allegat inċident fi Triq Villambrosa fil-Ħamrun fejn is-Segretarju Parlamentari Josè Herrera allegatament laqat karozza oħra u telaq mill-post, jirriżulta li kien qiegħed jattendi party tal-Milied f’bar f’San Ġiljan.

‘In-Nazzjon’ illum żvelat li nhar it-Tlieta tard waranofsinhar Josè Herrera, fost l-oħrajn, kien mistieden għal riċeviment tal-Milied organizzat mill-kumpanija APCO. Dan ir-riċeviment tal-Milied kien organizzat fil-Quarterdeck Bar tal-Lukanda Hilton f’San Ġiljan u preżenti għalih kien hemm għadd ġmielu ta’ klijenti ta’ din il-kumpanija.

Dan il-ġurnal hu infurmat li Josè Herrera wasal fil-post ftit tal-ħin wara li r-riċeviment kien beda, iżda waqt l-istess festin hu deher jieħu drink, bit-tazza f’idu, flimkien ma’ persuni u gruppi differenti ta’ persuni li kienu qed jattendu l-istess riċeviment.

Persuni li kienu fl-istess post osservaw li Josè Herrera kellu burdata tajba ħafna u ripetutament instema’ jidħak u jitbissem b’dak li kien qiegħed jingħad bejnu u l-persuni u l-gruppi differenti li kien qed jitkellem magħhom.
Eventwalment Josè Herrera telaq minn dan ir-riċeviment u sussegwentement mar jara lil xi kostitwenti tiegħu fl-uffiċċju tiegħu fl-inħawi fejn allegatament laqat karozza oħra.

‘In-Nazzjon’ illum ikkonfermat li fit-triq li fiha pparkja għal xi ħin Josè Herrera – bil-karozza uffiċjali tiegħu bħala Segretarju Parlamentari – ipparkja wrong side. Dwar dan, iżda, hu qalilna li kien irriversja biex seta’ jipparkja!

Li hu żgur hu li meta pprova jsuq mill-parkeġġ li kellu biex jitlaq, laqat il-karozza l-oħra li kellha l-parti ta’ quddiem tagħha pparkjata fid-direzzjoni tal-parti ta’ quddiem tal-karozza misjuqa minnu.

Hu reġa’ rriversja l-karozza tiegħu, niżel minnha u qabbad sigarett. Ftit tal-ħin wara hu reġa’ tela’ fl-istess karozza uffiċjali tiegħu u saq fid-direzzjoni tad-dar tiegħu f’Ħal Lija. Hu jiddeskrivi dan is-sewqan tiegħu lejn id-dar bħala wieħed normali għall-aħħar.

Meta wasal ħdejn id-dar tiegħu persuni terzi waslu ħdejh, kienu nnutati josservaw il-karozza tiegħu minn quddiem u ftit tal-ħin wara telqu ’l hemm filwaqt li s-Segretarju Parlamentari Herrera, “għal darba” – kif qal hu stess – daħal id-dar tiegħu kmieni!

Dwar dan l-inċident, meta kien intervistat minnha aktar kmieni din il-ġimgħa, Josè Herrera qal li ma jeskludix li kellu inċident ta’ ħabta, imma jekk dan kien il-każ, il-ħabta kienet żgħira ħafna u rapport lill-Pulizija ma ħassx li kellu jagħmel.