Lokali

Security guard jaqla’ daqqa ta’ sikkina f’Paceville

Raġel li jaħdem bħala security guard f’Paceville kellu jiddaħħal l-isptar isofri minn grieħi ħfief wara li fil-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt qala’ daqqa’ ta’ sikkina waqt li kien xogħol f’wieħed mill-istabbilimenti ewlenin f’Paceville.

Dan is-sit jinsab infurmat li l-każ seħħ f’Havana meta għal xi raġuni żviluppat ġlieda bejn numru ta’ persuni. Jidher li wara li s-security guard ta l-assistenza tiegħu biex jikkontrolla s-sitwazzjoni, u l-persuni involtu inħarġu mill-istabbiliment, is-security guard mar lura fl-istabbiliment biex jassisti mara li kien ta ħass ħażin, u kien hawnhekk li r-raġel qala’ daqqa ta’ sikkina mingħand persuna mhux magħrufa.

Mhux magħruf jekk ir-raġel ‘laqqatx’ id-daqqa ta’ sikkina bi żball, jew b’mod intenzjonat, pero’ kollox jindika li r-raġel li kellu s-sikkina kien involut ukoll fil-ġlieda li seħħet.

Filwaqt li l-Pulizija qed tinvestiga dan il-kaz, jirrizulta li r-raġel li qala’ d-daqqa ta’ sikkina jinsab f’kundizzjoni stabbli għax il-feriti li sofra huma ta’ natura ħafifa.