Minn Qalb iż-Żrieraq hija l-isem ta’ attivita’ ġbir ta’ fondi mifruxa fuq tliet ijiem b’risq Dar Santa Tereża, fiż-Żurrieq.
Għall-ħdax-ilsena konsekuttiva, l-Għaqda Karmelitana Banda Queen Victoria organizzat din l-attivita’ b’xandir kontinwu fuq ir-radju tagħha, Leħen il-Karmelitani u b’attivitajiet f’Misraħ ir-Repubblika, biswit il-Knisja Parrokkjali taż-Żurrieq.
B’attivitajiet bħal bażar, bejgħ ta’ pjanti u ponsjeti, bejgħ ta’ ikel tradizzjonali tal-Milied u diversi maratoni, fosthom dik tal-biljard, l-Għaqda fittxet li tiġbor iktar fondi b’risq ir-residenti ta’ din id-Dar fiż-Żurrieq, fejn isir ħafna xogħol volontarju.
Filfatt, Dar Santa Tereża hija magħrufa għas-servizz li tagħti lit-tfal bejn 3 u 9 snin u li għal xi raġuni jew oħra, m’għandhomx dar xierqa fejn jgħixu.
F’dawn l-aħħar ħdax-il sena, inġabru iktar minn €35,000 b’risq dawn it-tfal permezz ta’ din l-attivita’.
U biex tkompli żżid mal-ispirtu tal-Milied, għal sena oħra kienet organizzata wkoll wirja tal-presepji, bis-sehem ta’ numru sabiħ ta’ artisti u dilettani Maltin.
Spikkat fost oħrajn il-varjeta’ ta’ materjali użati f’din il-wirja, minn sulfarini, kartapesta, ħġieġ, bajd u saħansitra materjal riċiklat, bi presepju disinjat minn tfal tal-iskola.