Lokali

Ikomplu jikbru d-dubji dwar l-mexxej ta’ l-Ażerbaijan u ż-żjara ta’ Joseph Muscat

Bejn tmiem il-ġimgħa li għaddiet u nofs dil-ġimgħa, il-Prim Ministru Joseph Muscat mexxa delegazzjoni waqt żjara sigrieta fil-kapitali tal-Ażerbaijan Baku.

Minkejja li kien akkumpanjat minn Kurt Farrugia, il-Kelliem Uffiċjali tiegħu, f’din iż-żjara ma nħareġ ebda stqarrija uffiċjali li tagħti d-dettalji ta’ dak li gara.

Muscat iltaqa’ mal-President Ilham Aliyev u l-membri tal-Kabinett tiegħu, u ż-żewġ naħat ħbew għalkollox dak li ġie miftiehem u ffirmat fil-qasam taż-żejt u l-gass.

Dan huwa settur li Ilham Aliyev jikkontrollah b’ponn tal-ħadid u fejn il-kumpanija statali Socar, li hija involuta fil-bini tal-impjant tal-power station f’Delimara hija fil-mira ta’ kritika u akkużi qawwija internazzjonali minħabba negozju ‘jinten’ u xejn trasparenti.

L-Azerbaijan immexxi mill-President Ilham Aliyev mhux pajjiż ħabib tal-ġurnalisti li jistaqsu ħafna mistoqsijiet. Għexieren ġew arrestati fl-aħħar snin,.

Intant, l-organizzazzjoni Global Witness f’rapport investigattiv li ħarġet sena ilu, fost l-oħrajn issemmi kif il-kumpanija statali Socar naqset milli tispjega negozjati fil-qasam taż-żejt u l-gass.

Skont rapport tal-Bank Dinji ta’ ftit snin ilu, jintqal li “il-korruzzjoni fl-Azerbaijan hija parti integrali fit-tmexxija tar-reġim”.

U b’rabta ma’ dan kollu, nhar l-Erbgħa li għadda, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil f’konferenza tal-aħbarijiet irrefera għaż-żjara ta’ Muscat fl-Azerbaijan li miegħu kien hemm biss nies politiċi, u lanqas uffiċjal wieħed pubbliku. Hu ddikjara li meta jkun hemm in-nuqqas ta’ trasparenza, jibdew jidħlu suspetti ta’ ħmieġ!