Lokali

Il-Milied taħt it-thedida tal-vjolenza estremista

Il-gazzetta l-Mument fi storja maħruġa fil-ħarġa ta’ din il-ġimgħa kixfet kif isqfijiet Maltin jinstabu fir-riskju tal-militanti Iżlamiċi. Bħalissa f’diversi pajjiżi qed iseħħu atti ta’ vjolenza, theddid u anke qtil minn estremisti Iżlamiċi fil-konfront ta’ nies ċivili kif ukoll reliġjużi ta’ twemmin Nisrani. Il-Mument tkellmet dwar dan ma’ żewġ Isqfijiet Maltin, l-Isqof Joe Alessandro li huwa Isqof Koadjutur ta’ Garissa fil-Kenja u l-Isqof Silvestru Magro li jmexxi l-komunita’ Nisranija f’Bengażi.

L-Isqof Alessandro qal li n-numru ta’ Kattoliċi fid-Djoċesi ta’ Garissa huwa żgħir meta mqabbel mal-maġġoranza ta’ Musulmani li jgħixu f’dan it-territorju. “Uħud minn dawn il-Kattoliċi huma minn bnadi oħra tal-Kenja u allura fil-jiem tal-Milied imorru jżuru lil qrabathom, b’konsegwenza li l-attendenza fil-knisja tonqos.”. Qal ukoll li minħabba raġunijiet ta’ sigurtà, fl-aħħar snin f’diversi knejjes tad-Djoċesi ma saritx il-quddiesa ta’ billejl fil-Milied, ħalli ma jpoġġux lin-nies fil-periklu, speċjalment huma u sejrin lura lejn djarhom. Spjega li din is-sena huma jridu jkunu ħafna aktar prudenti wara ż-żewġ attakki terroristiċi li seħħew matul dan ix-xahar f’Mandera, 16-il siegħa bogħod bil-karozza minn Garissa, fejn għandhom it-tmexxija tal-parroċċa. Hu spjega li ż-żewġ attentati seħħew fuq karozza tal-linja u f’barriera fejn tilfu ħajjithom 56 Nisrani. Huma kienu attakkati wara li ġew magħżula minn fost nies oħra li kienu Musulmani, u qatluhom kiesaħ u biered għax ma kinux Musulmani. Hu spjega li anke f’Wajir, fejn għandhom parroċċa oħra, ġew attakkati xi nies Insara, kif ukoll l-għassa tal-pulizija u anki l-power station. Fortunatament mietu tnejn biss minbarra li kien hemm diversi nies oħra feruti.

Minn naħa tiegħu l-Isqof Magro fisser kif il-pajjiż ġar ta’ Malta jinsab f’sitwazzjoni ta’ gwerra u għalhekk huma qed jgħixu r-riskji kollha li ġġib magħha l-gwerra. “Wieħed irid juża prudenza kbira, joqgħod attent meta joħroġ fit-triq u jekk jista’ jkun ma joħroġx barra għalxejn.”. Hu spjega li bħala Nsara m’għandhomx sigurtà magħhom biex ikunu mħarsa mill-estremisti Iżlamiċi u għalhekk huma jużaw ċerta prudenza fil-ħidma tagħhom. L-Isqof Silvestru Magro spjega li għalkemm ħafna mill-Insara telqu minn Bengażi fil-ġimgħat li għaddew u anke kien hemm vapur li ġab lil uħud minnhom f’Malta, xorta waħda baqa’ nies Kattoliċi f’Bengażi.