Lokali

Il-Mument tiżvela li Manuel Mallia jista’ jsib postu lura fil-kabinett

Rapport esklussiv tal-ġurnalist Joe Mikallef fil-gazzetta il-Mument jiżvela kif l-eks Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Manuel Mallia hu mistenni jirritorna fil-Kabinett fil-futur qrib f’dekasteru ieħor. Il-Mument tgħid li l-ħatra tiegħu mill-ġdid fil-Kabinett ta’ Joseph Muscat tolqot żewġ miri prinċipali; l-ewwel il-paċi ta’ Joseph Muscat ma’ Manuel Mallia li jerġa’ jakkomodah b’ħatra Ministerjali, u t-tieni Joseph Muscat ikun irnexxielu jwarrbu mill-Ministeru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali fejn Mallia rnexxielu jikteb storja mill-aktar negattiva.

Ir-rapport jiżvela kif fix-xhur li ġejjin, possibbilment anki qabel il-festi tal-Għid jew f’dak il-perijodu, Joseph Muscat hu rakkommandat lilu li jagħmel tibdil fil-Kabinett tal-Ministri. Żgur li xi membru jew membri jridu jagħmlu l-wiesgħa, fosthom biex xi ħadd jingħata l-inkarigu ta’ rappreżentant ta’ Malta fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

It-taqlib fil-Kabinett maħsub għall-ewwel parti tas-sena d-dieħla jara l-possibbiltà li George Vella, li fil-preżent jokkupa l-kariga ta’ Ministru tal-Affarijiet Barranin, jitlef postu. Il-Mument tgħid li hu sigriet magħruf li George Vella u l-Prim Ministru Joseph Muscat ma jarawx għajn m’għajn fuq diversi kwistjonijiet. Ir-rapport ikompli jgħid li fi ftit kliem Joseph Muscat qajla jafda lil George Vella tant li ftit tax-xhur ilu inponielu Segretarju Permanenti li George Vella qajla ħa gost biha. Jingħad li la kien konsultat dwarha u wisq anqas kellu xi possibbiltà li jagħżel lil xi persuna tal-fiduċja tiegħu. Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin għandha rabtiet b’saħħithom ma’ Kastilja u żgur li tista’ sservi ta’ widna għal dak li jkun qiegħed isir fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin.

F’dan ix-xenarju, mhux eskluża l-possibbiltà li Manuel Mallia jirritorna fil-Kabinett ta’ Joseph Muscat bħala Ministru tal-Affarijiet Barranin, bl-istess George Vella forsi jkun mistieden jimla’ hu l-post vakat minn Louis Galea bħala r-rappreżentant ta’ Malta fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Iżda sorsi oħra qalu lil il-mument li jista’ jagħti l-każ li f’moħħ Joseph Muscat ikunu qed iberrnu ħsibijiet oħra, bħal ngħidu aħna x’jagħmel bil-veterani Leo Brincat, Evarist Bartolo u Edward Scicluna.