Il-familji Maltin qegħdin iħallsu fost l-ogħla prezzijiet għall-petrol u diesel fl-Ewropa xi ħaġa li qegħda tqanqal it-tħassib ta’ bosta. Fil-fatt kalkoli li saru mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista juru li l-prezz tal-fuels għandu jitnaqqas bi 28ċ għall-petrol u 27ċ għad-diesel.
Il-gazzetta il-Mument illum ippublikat numru ta’ reazzjonijiet dwar il-prezzijiet għolja tal-fuels f’Malta. Il-Kamra Maltija tal-Kummerċ, Intrapriża u Industrija qalet li s-sitwazzjoni preżenti tal-prezzijiet tal-fuel, li ma jirrappreżentawx dawk f’pajjiżi kompetituri, jista’ jħalli impatt fuq dan. Malta topera f’suq miftuħ globali, u hekk kif spejjeż bħall-fuel jogħlew iżjed mill-medja ta’ pajjiżi oħrajn, dan mill-ewwel iħalli impatt negattiv fuq il-kompetittività ta’ pajjiżna. Saħqet li prezzijiet ta’ fuel li ma jirriflettux il-prezz internazzjonali attwali taż-żejt ikollom effett negattiv fuq kull qasam tal-ekonomija
Josef Vella, is-Segretarju Ġenerali tal-UĦM minn naħa tiegħu qal li l-union se tkun qiegħda ssegwi l-andament tal-prezz taż-żejt tul l-2015 u se tkun qed tippretendi li jekk matul ix-xhur tal-2015 dan il-prezz se jkompli jinżel, allura l-gvern għandu jirrifletti dan l-andament fil-prezz taż-żejt maħdum.
Minn naħa tiegħu Carmel Mallia, il-Viċi President tal-Alleanza tal-Għaqdiet Nazzjonali Pensjonanti stqarr li huwa fatt li l-prezz tal-fuel bħalissa niżel baxx ħafna fis-suq internazzjonali. “Ikun ta’ ġid kbir għall-konsumaturi, fosthom il-pensjonanti, li prezz tal-fuel jorħos sostanzjalment għax
il-konsumatur jispiċċa b’aktar flus fil-but biex jgħix aħjar. Hu żied li l-Alleanza tal-Għaqdiet tal-Pensjonanti tinsab mħassba u
diżappuntata li t-talbiet li għamlet għall-Baġit 2015 kollha twarrbu.