Lokali

Imbiċċra, allegatament minn bouncer, wara ġlieda f’Paceville

Tfajla mwielda fir-Renju Unit u residenti s-Swieqi sofriet diversi ġrieħi, b’mod speċjali f’wiċċha, wara li allegatament qalgħet daqqiet minn bouncers f’Paceville.

Skont it-tfajla, bouncer impjegat ma’ club ewlieni fi Triq Wilġa f’Paceville ta daqqa ta’ ponn lil ħabiba tagħha u beda jimbuttahha. Kompliet li meta marret timbuttah biex jieqaf jagħti lil ħabibtha, dan il-bouncer dar għaliha u fajjar sensiela ta’ daqqiet, b’mod speċjali f’wiċċha u rasha.

Kawża tad-daqqiet, hi spiċċat imbenġla, bi black eye, qatgħat fuq wiċċha u bi troffa xagħar nieqsa. Saħansitra qalet li xi ħadd ta daqqiet ta’ sieq waqt li kienet mal-art.

Ħabibtha wkoll sofriet ġrieħi u tbenġil ma’ ġisimha kollu wara li spiċċat imbuttata, mitfugħa mal-art u qalgħet numru ta’ daqqiet.

It-tfajla kompliet li waqfet taqla’ d-daqqiet biss malli waslu l-Pulizija fuq il-post. Kien hawn li, skont it-tfajla, il-persuni li bdew ituha ħarbu mill-post.

Fuq Facebook hi qed tappella għall-informazzjoni minn dawk li setgħu kienu fuq il-post u għarfu lil xi ħadd mill-aggressuri.

Dwar dan il-każ sar ukoll rapport tal-Pulizija, li bagħtu lit-tfajla għal eżami mediku u qed jistennew rapport mediku biex ikunu magħrufa l-ġrieħi li sofrew it-tfajliet.

Dan il-każ hu t-tieni wieħed fi ftit sigħat wara li l-lejl ta’ qabel, security guard f’Paceville kellu jiddaħħal l-isptar isofri minn ġrieħi ħfief wara li qala’ daqqa’ ta’ sikkina waqt li kien xogħol f’wieħed mill-istabbilimenti ewlenin. Aqra hawn.