Ambjent Lokali

L-għaqdiet ambjentali jħeġġu lil Gvern biex jibni park naturali flok il-“Buġibba tas-South”

Erba’ għaqdiet mhux governattivi f’ittra li kitbu lil Prim Ministru Joseph Muscat, qed jipproponu li jsir park naturali fin- Nofsinhar ta’ Malta, bħala alternattiva għall-iżvilupp tal-“Buġibba tas-South”, liema żvilupp qed iqajjem ħafna kontroversja.

BirdLife Malta, Din l-Art Ħelwa, Flimkien għal Ambejnt Aħjar u Nature Trust qed iħeġġu lil Muscat biex jiddikjara l-art publika bejn Smart City u ż-Żonqor Point bħala park “naturali u protett, li hu ta’ wirt u benefiċċju għall-ambjent u għal poplu Malti kollu.

B’referenza għall-iżvilupp li qed ikun propost għal din iż-żona, jiġifieri l-pjanijiet li jinbnew tliet lukandi, dawn l-erba’ għaqdiet qalu li l-iżvilupp se joħloq preċedent insostenibbli għall-iżvilupp barra minn żoni apposta u se jkun devastanti għal pajsaġġ Malti u l-karatteristiċi tradizzjonali tiegħu.

Il-pjan tal-għaqdiet ambjentali hu li bl-iżvilupp f’din iż-żona, jinħoloq heritage trail u jkun restawrat Forti San Nardu bħala ċentru għal viżitaturi. Jissuġerixxu wkoll li jkunu rinovati bini li bħalissa jinsabu mitluqin, u jintużaw bħala destinazzjonijiet eko-turistiċi.

Fl-ittra tagħhom, l-għaqdiet ambjentali fakkru kif fil-passat, il-Prim Ministru Muscat kien esprima l-qbil li jinbena park nazzjonali fin-Nofsinhar ta’ Malta u għalhekk qed iħeġġuh biex jirrikunsidra l-pjanijiet tiegħu għall-iżvilupp fin-nofsinhar.

Kopja ta’ din l-ittra tinstab hawnhekk.