Dan il-Milied se jkun wieħed diffiċli għall-ġenituri ta’ Ryan u Angie Schembri li se jkollhom iqattgħu dawn iż-żmien ta’ festi ‘l bogħod minn uliedhom u minn neputijiet tagħhom.
Schembri kien ħarab minn Malta flimkien ma’ martu u binhom fil-lejl ta’ bejn l-20 u l-21 ta’ Settembru li għadda. L-għajbien tal-familja Schembri, li ħarbet minn Malta permezz tal-katamaran lejn Sqallija, sar magħruf ftit tal-jiem wara meta kredituri bdew ifittxu lil Schembri u ma sabuhx.
F’artiklu fuq Il-Mument, il-ġurnalist Joe Mikallef jagħti ħarsa lura lejn in-negozju ta’ Ryan Schembri li beda bil-ftuħ ta’ supermarket fil-Libja. Wara li dan in-negozju kien sejjer tajjeb, Schembri fetaħ ċentru ta’ distribuzzjoni ta’ prodotti tal-ikel madankollu min-negozju beda sejjer lura partikolarment wara l-gwerra ċivili fil-Libja. Fl-istess waqt Schembri involva ruħu f’katina ta’ supermarkets f’Malta bl-isem More.
Fis-Sajf li għadda beda jberraq fuq l-operat ta’ Schembri tant li ħafna kredituri bdew jiġru warajh biex jagħtihom il-flus dovuti.
Fid-dawl ta’ dan Schembri fassal pjan biex jaħrab minn Malta bil-familja kollox u għażel li jagħmel dan fil-lejl ta’ bejn l-20 u l-21 ta’ Settembru meta għajnejn kulħadd kienu fuq iċ-ċelebrazzjonijiet tal-50 sena mill-Indipendenza.
Illum, ftit iktar minn mitt jum mill-ħarba ta’ Schembri, il-kredituri għadhom jittamaw li Ryan Schembri jinqabad mill-Interpol u jkun estradit lejn Malta.
//= $special ?>