Lokali

Ritratti: Traffiku u inċidenti wara li ngħalqu r-roundabouts fin-Naxxar

Deċiżjoni ġdida biex żewġ roundabouts fuq barra tan-Naxxar jingħalqu bil-bollards ħolqot mhux biss paniku fit-toroq tal-madwar, bi traffiku ferm iktar mis-soltu, imma wkoll inċidenti.

Il-bollards saru maż-żewġ roundabouts li minn Triq il-Parroċċa (ħdejn il-Knisja tan-Naxxar) tieħdok lejn it-Triq tal-Babal (direzzjoni lejn Burmarrad).

Kif jidher fir-ritratti, sewwieq li ma ndunax b’dan l-arranġament ġdid spiċċa saq għal fuq waħda mill-bollards bil-konsegwenza li sofra ħsara estensiva fil-karozza tiegħu. Mal-art filfatt kellu jixxerred ukoll it-trab minħabba ż-żejt li ħareġ mill-karozza.

Il-paniku kompla żdied minħabba li ma tneħħewx it-tabelli li jindikaw li hemm roundabout u baqgħu hemm ukoll is-sinjali ‘Stop’ minn mal-art. B’hekk, minkejja li r-roundabout m’għadiex tintuża, is-sinjali għadom fil-post.

B’dawn l-arranġamenti ġodda, min ikun ġej minn Triq San Pawl u jrid idur lejn il-Knisja tan-Naxxar, issa m’għadux jista’ jdur mal-ewwel roundabout, imma jrid isuq lejn Triq il-Balal, u jdur mat-tieni roundabout lura lejn l-ewwel roundabout.