Minn Stewart Said
BIRKIRKARA……..2
QORMI………………..0
Birkirkara: J. Haber, N. Vukanac, A. Costa Morais (E. dos Santos Gonzaga 75’), M. Bissi da Silva, S. Haruna Shodiya (A. Borg 93’), G. Sciberras, A. Mendoza, Z. Muscat, E. Agius, R. Camenzuli, E. Herrera (K. Zammit 75’)
Qormi: M. Farrugia, A. Bruce, B. Bondin (C. Farrugia 85’), M. Mazzetti Latini, J. Chetcuti (R. Micallef 66’), A. Effiong, F. Temile, E. Vella, Z. Levnaic, D. Pisani, J. Bondin
Imwissija: Z. Levnaic 45’ (Q), N. Vukanac 76’ (B)
Skorja: S. Haruna Shodiya 45’, 90’ (B)
Referee: Fyodor Zammit
In-Nazzjon Plejer tal-Logħba: Haruna Shodiya (BK)
Birkirkara irritornaw għar-rebħ meta b’żewġ gowls lejn tmiem kull taqsima għelbu lil Qormi 2-0. Il-wirja tat-tim Karkariż ma kinitx brillanti iżda Qormi m’għarfux jippenetraw u jattakkaw biex jinfdu lid-difiża Karkariża. L-eroj tagħhom kien Shola Haruna Shodiya li skorja ż-żewġ gowls.
Il-kowċ Karkariż Paul Zammit għamel tliet bidliet mid-draw kontra Balzan b’Edmond Agius jidħol f’nofs il-grawnd flok is-sospiż Paul Fenech. Edward Herrera irritorna fuq in-naħa leminija b’Mattheus Bissi jifforma parti mit-tlieta ta’ wara.
Min-naħa l-oħra, il-kowċ ta’ Qormi Josef Mansueto għamel xejn anqas minn ħames tibdiliet b’Mazzetti Latini u Levnaic jirritornaw fil-qalba tad-difiża wara s-sospensjoni, Emerson Vella ħa post Steve Agius filwaqt li Bjorn Bondin u Joseph Chetcuti irritornaw f’nofs il-grawnd.
L-ewwel azzjoni waslet fl-10 minuta meta xutt ta’ Gareth Sciberras minn barra l-kaxxa għadda ftit barra. Qormi wieġbu fil-25 minuta meta Frank Temile għadda lejn Alfred Effiong li avvanza iżda kellu x-xutt imblukkat minn Zach Muscat. Tliet minuti wara Edward Herrera prova b’xutt mid-distanza ftit għoli.
Qormi kellhom l-aħjar azzjoni għalihom fl-ewwel taqsima meta fit-32 minuta meta minn xutt dajagonali fil-baxx ta’ Temile, Haber ma żammx iżda Chetcuti spara għoli. Birkirkara għalqu t-taqsima fuq l-attakk l-ewwel fid-39 minuta meta Costa Morais krossja mix-xellug lejn Shola li iżda Emerson Vella b’mod providenzjali jimblokka x-xutt.
Birkirkara laqtu l-lasta fl-44 minuta meta minn azzjoni ta’ korner, Shola Shodiya għola tajjeb iżda d-daqqa ta’ ras tiegħu sabet il-mimduda. Iżda minuta wara Birkirkara fetħu l-iskor meta minn kross ta’ Herrera, kien SHOLA HARUNA SHODIYA li b’daqqa ta’ ras għeleb lil Matthew Farrugia bil-ballun imiss mal-wieqfa qabel jidħol fix-xibka.
Minkejja li l-partita ma kinitx brillanti, Qormi bdew iżidu fil-logħob u fl-54 minuta Alfred Effiong ipprova b’xutt fil-baxx li għadda ftit barra. Erba’ minuti wara Qormi kellhom l-aħjar azzjoni tal-partita meta l-ewwel xutt ta’ Frank Temile ġie salvat parzjalment minn Haber, u l-istess Temile ra x-xutt jistampa mal-mimduda u jinżel fuq il-linja, Temile ipprova għat-tielet darba iżda ma laqatx.
Il-Qriema ppruvaw jippenetraw id-difiża Karkariża iżda kienu Birkirkara li reġgħu resqu viċin fit-88 minuta b’xutt ta’ Shola Shodiya li ħabat mal-wieqfa qabel ma spiċċa barra. Minuta wara Justin Haber kellu jagħmel titjira spettakolari biex iċaħħad lil Duncan Pisani minn gowl mill-isbaħ.
Iżda ta’ din l-opportunità pattew qares għaliex Birkirkara għalqu l-logħba fid-90 minuta meta SHOLA HARUNA SHODIYA ġie wiċċ imb’wiċċ ma’ Matthew Farrugia u minkejja li kellu l-ewwel xutt imblukkat minn Farrugia, l-istess plejer ma kellu l-ebda problema biex jitfa’ fix-xibka.
//= $special ?>