Minn Stewart Said
VALLETTA……..3
SLIEMA W………1
Valletta: N. Vella, R. Camilleri, S. Borg (H. Alkamali 83’), L. Dimech, I. Azzopardi, L. Cremona, R. Briffa, H. Barry (C. Caruana 76’), A. Nafti (I. Montanaro 90’), L. Elford Alliyu, L. Montebello
Sliema: G. Zammit, L. Martinelli, K. Gnabouyou, A. Scozzese, J. Mintoff, M. Scerri, A. Pisanu (F. Mangiacasale 63’), C. Psaila (P. Xuereb 46’), A. Friggieri, M. Potezica, S. Biancardi
Imwissija: S. Biancardi 54’ (S), R. Briffa 71’, N. Vella 85’ (V)
Skorjaw: L. Cremona 4’, H. Barry 20’, 55’ (V), M. Potezica 92’ (S)
Referee: Clayton Pisani
In-Nazzjon Plejer tal-Logħba: Hamza Barry (Valletta)
Attendenza: 1053
Valletta irritornaw għar-rebħ meta għelbu faċilment lil Sliema Wanderers 3-1 biex reġgħu jinsabu 15-il punt wara l-liders Hibernians. Valletta iddominaw tul il-partita bi Sliema jkunu fqar biex iwettqu reazzjoni denja.
Valletta fetħu l-iskor wara biss erba’ minuti meta LLYWELYN CREMONA għeleb lil Glenn Zammit b’xutt b’saħħtu fis-saqaf tax-xibka. Għaxar minuti wara konklużjoni ta’ Luke Montebello għaddiet ftit għoli.
Il-Beltin irduppjaw fl-20 minuta meta HAMZA BARRY irċieva pass tajjeb u b’xutt fil-baxx għeleb lil Glenn Zammit. Ir-reazzjoni ta’ Sliema waslet ħames minuti bl-ewwel xutt b’saħħtu denju ta’ Gnabouyou li spiċċa għoli.
Fis-27 minuta Valletta marru viċin it-tielet gowl meta Nafti kkrossja fil-kaxxa, Glenn Zammit imblokka parzjalment, il-ballun spiċċa għand Llywelyn Cremona li pprova b’xutt fil-baxx iżda ġie kklerjat minn difensur Slimiż. Minuta wara l-Beltin għal darba oħra viċin meta minn kross ta’ Ian Azzopardi, ix-xutt mill-ewwel ta’ Luke Montebello għadda ftit għoli.
Sliema għal ftit ma naqqsux l-iskor man-nofs siegħa meta minn free-kick, id-daqqa ta’ ras ta’ Gnabouyou ġiet mxellfa minn Vella qabel ma ħabtet mal-mimduda. Iż-żagħżugħ Cremona għal ftit ma skorjax doppjetta meta fl-34 minuta b’azzjoni personali kellu konklużjoni li għaddiet ftit għoli.
Fid-39 minuta Mark Scerri waqa’ f’kuntrast ma’ Llywelyn Cremona u r-referee Clayton Pisani ordna penalty kontroversjali. Iżda mill-11-il metru x-xutt ta’ Andrea Pisanu stampa mal-wieqfa bil-ballun imur barra.
Ir-ritmu naqas ferm fit-tieni taqsima b’Valletta jikkontrollaw il-partita u irnexxilhom jiskorjaw it-tielet gowl fil-55 minuta meta Luke Montebello qassam lura lejn HAMZA BARRY li b’xutt mill-ewwel fuq il-ġirja għeleb lil Glenn Zammit.
Is-sostitut Christian Caruana għal ftit ma niżżilx ismu fost l-iskorers fis-87 minuta meta minn azzjoni ta’ korner id-daqqa ta’ ras tiegħu ġiet ikklerjata minn fuq il-linja minn John Mintoff.
Sliema skorjaw gowl ta’ konsolazzjoni fil-ħin miżjud meta Gnabouyou kkrossja fil-baxx lejn MARKO POTEZICA li mattar siequ u għeleb lil Vella.
//= $special ?>