Editorjal

Editorjal : B’sussidju t-tripplu, it-trasport pubbliku għandu jkun ferm u ferm aħjar

Il-kalendarju mwiegħed mill-Gvern għat-trasport pubbliku mill-ġdid f’idejn il-privat waqa’ lura. Il-kumpanija Spanjola mhijiex se tieħu t-trasport pubbliku kollu mill-bidu tas-sena l-ġdida. Imma mill-ewwel se jkollha f’idejha sussidju ta’ aktar mid-doppju ta’ dak li kien hemm sas-sena l-oħra; u dan is-sussidju mistenni jkompli jiżdied għat-tripplu. B’sussidju t-tripplu, il-poplu Malti bir-raġun jistenna trasport pubbliku ferm u ferm aħjar, u mhux it-trasport pubbliku li mar lura f’din l-aħħar sena f’idejn il-Gvern.

Sussidju minn 6 miljun ewro għal 23 miljun… u għadu mhux kollox
Meta saret ir-riforma tat-trasport pubbliku tliet snin u nofs ilu, is-sussidju kien biss 6 miljun ewro. Dan tela’ ftit meta żdiedu l-linji, imma bir-riforma u bit-trasport pubbliku f’idejn il-privat, is-sussidju li t-taxpayer Malti jħallas għat-trasport pubbliku qatt ma qabeż l-10 miljun ewro. L-esperjenza tat-trasport pubbliku f’idejn il-Gvern fl-aħħar sena l-aħjar ma tantx niddiskutuha għax it-telf sploda u l-Gvern qed jirrifjuta jgħid kemm għamel telf. Issa nafu li s-sussidju se jiżdied għal 23 miljun ewro u dan għadu biss il-bidu għax aktar ma l-kumpanija Spanjola tieħu t-trasport pubbliku f’idejha, aktar se tingħata sussidju.

Sussidju t-tripplu… imma s-servizz?

Meta tqis li s-sussidju qabel qatt ma kien aktar minn 10 miljun ewro u l-Gvern diġà qed jgħid li ċ-ċifra ta’ 23 miljun li ftiehem mal-Ispanjoli hi biss il-bidu u trid tiżdied, mela l-konklużjoni hi ċara li s-sussidju se jkun it-tripplu ta’ kemm kien qabel. Imma s-servizz kemm se jkun aħjar? It-taxpayer Malti u l-passiġġieri żgur jistennew ferm u ferm aħjar minn trasport pubbliku ssussidjat it-tripplu.

L-aħħar vjaġġi fil-11pm, night buses…

Kemm ilu f’idejn il-Gvern, l-aħħar vjaġġi tat-trasport pubbliku ma baqgħux bil-garanzija sal-11 ta’ billejl u wħud mil-linji sofrew tnaqqis fis-servizz li qed jispiċċa qabel. B’sussidju t-tripplu, nistennew li dan in-nuqqas ma jibqax u t-trasport pubbliku jerġa’ lura għall-garanzija tal-aħħar vjaġġ mhux qabel il-11 ta’ billejl. L-istess il-vjaġġi ta’ billejl nhar ta’ Ġimgħa u nhar ta’ Sibt għal Malta kollha. Kemm ilu t-trasport pubbliku f’idejn il-Gvern dawn in-night buses spiċċaw u baqa’ biss tliet linji jaħdmu. B’sussidju t-tripplu, nistennew li ż-żgħażagħ jerġgħu jingħataw servizz il-Ġimgħa u s-Sibt billejl għal Malta kollha li ma jobbligahomx mill-ewwel jixtru karozza privata – miżura prattika biex ma jiżdiedx it-traffiku.

Puntwalità, informazzjoni suret in-nies
Kemm ilu t-trasport pubbliku f’idejn il-Gvern, il-puntwalità marret lura. Servizz privat li se jgawdi t-tripplu tas-sussidju nistennew li jkun puntwali u dan bla skużi. Dis-sena marret lura wkoll l-informazzjoni li qabel kien hemm disponibbli u aġġornata fuq kull bus stop u fuq il-website tat-trasport pubbliku. Fuq ħafna bus stops illum m’hemmx l-informazzjoni li kien hemm qabel. Biżżejjed ngħidu wkoll li l-iskeda tas-sajf li tħabbret b’ħafna pompa mill-Ministru Joe Mizzi ma daħlet qatt fis-seħħ u l-informazzjoni li kien hemm fuq il-website tat-trasport kienet biss fittizja. B’sussidju t-tripplu, nistennew li dawn l-affarijiet jispiċċaw.

Iż-żjara tinten
U b’sussidju t-tripplu nistennew ukoll spjegazzjoni suret in-nies tar-raġuni għaż-żjara li l-Ministru Joe Mizzi u l-eks Chief Executive tal-Partit Laburista James Piscopo għamlu fi Spanja qabel ħabbru min kienet se tkun il-kumpanija preferuta mill-Gvern biex tieħu f’idejha t-trasport pubbliku. Dik kienet żjara kontra r-regoli li ħarġu huma stess, u allura żjara tinten b’xamma ta’ ħmieġ. B’sussidju t-tripplu, forsi jkollna spjegazzjoni… jew forsi s-sussidju t-tripplu hu l-ispjegazzjoni!