Lokali

Familji bi tfal milquta mill-kanċer iqattgħu ftit jiem ta’ mistrieħ f’żewġ lukandi ewlenin

Grupp ta’ 30 familja, li t-tfal intlaqtu mill-marda tal-kanċer u qed jingħataw għajnuna minn Puttinu Cares, kellhom l-okkażjoni jqattgħu jumejn ta’ mistrieħ f’żewġ lukandi ewlenin f’Malta.

L-inizjattiva ttieħdet mill-grupp DB Hotels & Resorts, bil-familji tat-tfal iż-żgħar iqattgħu jumejn fil-lukanda San Antonio fil-Qawra, filwaqt li l-familji bi tfal akbar qattgħu jumejn fil-lukanda Seabank fil-Bajja tal-Għadira.

Id-Direttur ta’ DB Hotels & Resorts Vincent Degiorgio qal li din kienet l-ewwel inizjattiva ta’ din ix-xorta mill-Grupp bħala parti mill-ħidma ta’ responsabbiltà soċjali. It-tfal kellhom programm sħiħ ta’ attivitajiet, li inkludew fost oħrajn sessjoni ta’ tisjir mal-Executive Chef tal-lukanda u attivitajiet oħrajn mal-Animation Team.

Vincent Degiorgio qal li dan il-ġest hu intiż bħala turija ta’ appoġġ għal dawn il-familji biex jaqtgħu ftit mill-isfidi li jiffaċċjaw kuljum.

Min-naħa tiegħu, il-Fundatur ta’ Puttinu Cares Victor Calvagna rringrazzja lill-Management ta’ DB Hotels & Resorts għal din l-inizjattiva, li tikkumplimenta u tgħin il-ħidma ta’ appoġġ li ssir minn Puttinu Cares fost il-familji tat-tfal milquta bil-marda tal-kanċer.