Issa sid tal-Bird Park jgħid li kellu jwaqqaf l-impjieg ta’ diversi ħaddiema
Wara protesti li saru minn naħa ta’ residenti, issa kien sid il-Bird Park li ħa l-każ il-Qorti fejn ippreżenta protest ġudizzjarju fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fejn qed jisħaq li minħabba l-proġett ta’ Triq il-Kosta, ingħalaq l-aċċess għall-istabbiliment tiegħu, bil-konsegwenza li sofra telf ta’ negozju u kellu jnaqqas il-ħaddiema.
Kevin Mallia, proprjetarju tal-Bird Park li jinsab fis-Salini, ippreżenta l-protest kontra Transport Malta, il-Ministeru għat-Trasport u l-Kummissarju tal-Pulizija. Fil-protest, Mallia qal li l-Bird Park jinsab viċin il-Kennedy Grove u jista jiġi aċċessat mill-pubbliku minn żewġ toroq, biex anke jkunu jistgħu josservaw u jgwadu n-natura.
Ġara iżda, li minn nhar id-9 ta’ Awwissu li għadda bdew ix-xogħlijiet fi Triq il-Kosta, u minħabba dawn ix-xogħlijiet, twaqqaf kull aċċess għal dawn iż-żewġ toroq li jwasslu għall-Bird Park.
Huwa qal li meta dan seħħ, kien ikkomunika mal-Periti tat-triq biex jitkellem magħhom dwar din il-problema. Is-sitwazzjoni baqgħet ma inbidlitx u ssegwentament Mallia kkomunika mal-Perit Anton Zammit li huwa inkarigat minn dan il-proġett.
Mallia ġie infurmat mill-Perit Zammit li Transport Malta kienet tat ordni biex l-aċċess għall-Bird Park minn Triq il-Kosta ma jkunx imfixkel bl-ebda mod. Madankollu fit-22 ta’ Settembru li għadda Mallia attenda laqgħa mal-Perit Anton Zammit u kif ukoll mal-persuni l-oħrajn kollha inkarigati għal dan il-proġett.
Il-laqgħa kienet saret fl-Uffiċini tal-Kosta JV. Minn din il-laqgħa irriżulta li kellu jkun hemm aċċess minn triq u sussegwentament meta din it-triq tingħalaq kellu jkun hemm aċċess minn triq oħra, u dan dejjem min-naħa ta’ Triq il-Kosta.
L-għada saret korrispondenza oħra mal-Perit Zammit, fejn ingħad li sal-ġurnata ta’ qabel, l-aċċess għall-‘pedstrians’ kien parzjalment magħluq. Apparti hekk, mill-għada l-aċċess għall-‘pedestrians’ kien totalment kien negat minħabba blokka tal-konkrit li kienet qed tostakola l-aċċess.
Dan affettwa negattivament l-ammont ta’ turisti li jżuru l-Bird Park speċjalment dawk ġejjin min-naħat ta’ Buġibba u l-Qawra. Il-Protest jgħid ukoll li mhux biss ingħalaq kull aċċess għat-traffiku lejn in-negozju tiegħu, iżda wkoll l-aċċess għan-nies li riedu jidħlu bil-mixi.
Dawn in-nies ġew mogħtija ordnijiet mill-kumpanija Transport Malta biex jaqbdu direzzjoni oħra li kienet tikkonsisti f’dawra ta’ 5.6 kilometri. Dan apparti mill-fatt li l-‘Bus Stop’ viċin il-Bird Park tneħħiet minħabba dawn ix-xogħlijiet u b’konsegwenza ta’ hekk ġie itterminat l-użu tagħha.
Fid-29 ta’ Settembru, saret laqgħa oħra mal-Perit Zammit, fejn intlaħaq ftehim biex jitwaħħlu t-tabelli bħala sinjal ta’ direzzjoni għat-traffiku lejn il-Bird Park. Kien biss fil-15 ta’ Ottubru li għadda meta ġew imwaħħla żewġ tabelli kontra xulxin minn Transport Malta viċin ir-roundabout tal-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar.
Wara, l-aċċess għall-Triq il-Kosta ġie temporanjament miftuħ minn Maksar Limited għall-ħabta tal-11.00 a.m, wara laqgħa bejn il-Perit Zammit u Mallia. Minħabba dan l-aġir abbużiv, il-proprjetarju tal-Bird Park qal li kellu bilfors jwaqqaf l-impjieg ta’ għadd ta’ ħaddiema li jaħdmu f’dan l-istabbiliment. Dan apparti li sofra danni minħabba qliegħ.
Għaldaqstant is-sid tal-Bird Park talab lil Transport Malta, il-Ministeru għat-Trasport u l-Kummissarju tal-Pulizija biex jersqu għall-likwidazzjoni u ħlas relatati mad-danni u spejjeż li ġarrab u għadu jsofri inkluż imgħaxijiet. Il-protest kien iffirmat minn l-Avukat Robert Piscopo.
//= $special ?>