Lokali

IL-ĠURNALI DALGĦODU

Din hija ħarsa lejn il-ġurnali, illum 22 ta’ Diċembru 2014.

IN-NAZZJON b’rapport fil-faċċata dwar is-serata ‘Milied Flimkien’ u d-diskorsi ta’ għaqda li wasslu l-mexxeja u l-awtoritajiet Maltin fl-okkażjoni tal-festi tal-Milied. Ritratt ukoll tal-Kap tal-Oppożizzjoni jwassal il-messaġġ tiegħu. Storja oħra wkoll dwar għaqdiet non-governattivi li qed jipproponu park naturali minflok it-tliet lukandi fin-Nofsinhar ta’ Malta.

L-ORIZZONT b’rapport dwar il-każ tan-Niġerjana u l-Malti li nqabdu mill-Pulizija b’rabta ma’ droga. Il-mara naqbdet bi tliet kilo kokaina fil-bagalja filwaqt li l-Malti kien arrestat hekk kif kien sejjer jiġbor id-droga mingħandha. Rapport ieħor fil-faċċata dwar abbużi li ġew żvelati fl-Uffiċju Elettorali fl-2013, u ritratt li juri l-istat ta’ abandun li tinsab fiha pompa storiku f’Imġarr ix-Xini.

THE INDEPENDENT – Il-faċċata b’ritratt ħelu hekk kif ninsabu fuq l-għatba tal-festa tal-Milied – ritratt li juri żewġt iklieb lebsin barnuża tal-Milied. Storja wkoll li tagħti dettalji minn survey li sar mill-Malta Independent li sar fost tlett mitt persuna. Rapport ukoll dwar il-whistleblower act.

TIMES OF MALTA b’ritratt fil-faċċata ta’ tfajla li ġie imsawta f’Paceville u li qed titlob l-għajnuna tal-pubbliku, rapport ieħor dwar tħassib għall-fatt li studenti li jispiċċaw is-sekondarja m’għandhomx Ingliż tajjeb u rapport dwar il-mod kif l-Uffiċju Elettorali nefaq madwar €4,000 f’ikliet li saru skont studju li sar mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Verifika.