Kien ippubblikat Abbozz ta’ Policy ġdid b’linji-gwida għal-lokazzjoni ta’ solar farms ġodda, filwaqt li jiġu identifikati kriterji ta’ diżinn u miżuri ta’ mitigazzjoni biex jindirizzaw l-impatt potenzjali tagħhom.
L-Abbozz tal-Policy, li se jkun qed jiffaċilita wkoll l-impenn ta’ Malta biex tintlaħaq il-mira li sal-2020 pajjiżna jkollu 10 fil-mija tal-enerġija rinnovabbli, kien ippubblikat fil-jiem li għaddew mill-Awtorità Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) u l-Ministru tal-Enerġija.
L-Abbozz ta’ Policy jirrakkomanda li s-solar farms ikunu fil-viċinanzi ta’ żoni urbani jew f’żoni ta’ konsum elettriku għoli. Madankollu, jiddikjara speċifikament li solar farms ma jiġux ikkunsidrati jekk isiru fost oħrajn fil-kampanja, f’siti Natura 2000, f’widien jew f’żoni ta’ interess arkeoloġiku, kulturali jew xjentifiku.
Fejn possibbli, l-Abbozz jinkoraġixxi li l-infrastruttura għas-solar farms tkun imqegħda taħt l-art, filwaqt li xogħlijiet ta’ trinek u rotot ta’ aċċess għandhom ikunu limitati għal mogħdijiet eżistenti. Jingħad ukoll li skont id-daqs u fejn ikunu s-solar farms, il-MEPA tista’ titlob li jsiru l-Environmental Impact Assessment jew l-Appropriate Assessment.
L-Abbozz ta’ Policy u l-proposti mressqa mill-pubbliku jinsabu online, fuq is-sit elettroniku tal-MEPA.
//= $special ?>