Lokali Saħħa

Jibdew jintlaqgħu l-ewwel pazjenti fiċ-Ċentru l-ġdid tal-Onkoloġija

Dalgħodu bdew jintlaqgħu l-ewwel pazjenti fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, biswit l-Isptar Mater Dei. Skont is-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Chris Fearne, il-migrazzjoni mill-Isptar Sir Paul Boffa għaċ-Ċentru l-ġdid tal-Onkoloġija se ssir fuq perjodu ta’ sitt xhur biex ma jkunx hemm tnaqqis fil-kura tal-pazjenti.

Il-proġett kien beda fl-2010, bl-iskavar għall-bunkers, li fihom tpoġġew il-magni li jintużaw għar-Radiotherapy. Iċ-Ċentru tal-Onkoloġija sar b’investiment ta’ €52 miljun, bil-parti l-kbira tiegħu ffinanzjat minn fondi Ewropej, u se jfisser qabża fil-kwalità fis-servizzi offruti s’issa mill-Isptar Sir Paul Boffa. Fil-fatt, l-Out-Patients biss żdied minn żewġt ikmamar għal 12-il kamra, filwaqt li n-numru ta’ sodod żdied minn 78 għal 113. B’kollox, kienu impjegati 96 professjonist ieħor f’dixxiplini varji.

Ħolqa importanti hi l-prevenzjoni u għalhekk tħabbar li minbarra l-iscreening tas-sider u tal-musrana l-kbira, is-sena d-diehla mistenni jibda screening ukoll għall-kanċer tal-għonq tal-utru.

L-Onkologu Stefan Laspina spjega li ċ-Ċentru l-ġdid se jkollu żewġ magni tar-Radiotherapy, li huma fost l-aktar avvanzati bħalissa. Dawn qed jiġu kkummissjonati f’dawn il-jiem. Spjega li dan l-apparat jippermetti trattament tar-raġġi aktar preċiż u li jieħu anqas żmien. Barra minhekk, dawn il-magni se jagħtu wkoll il-possibbiltà ta’ trattamenti ġodda, li sa ftit ilu ma kienux isiru f’pajjiżna.