F’dawn l-aħħar jiem, partijiet minn żewġ roundabouts fil-limiti tan-Naxxar ingħalqu u jidher li ħolqu inkonvenjent mhux ħażin lis-sewwieqa li ta’ kuljum jgħaddu minn dawn l-inħawi.
L-ewwel ħaġa li tolqot hi li ma nħarġet ebda stqarrija min-naħa ta’ Transport Malta li partijiet minn dawn ir-roundabouts se jingħalqu. Tant li s-Sibt filgħodu li is-sewwieqa sabu l-bollards u l-ktajjen ma’ wiċċhom.
Jidher ukoll li fil-lejl bejn is-Sibt u l-Ħadd diġa’ kien hemm l-ewwel inċident hekk kif jidher wiehed mill-bollards intlaqat u tgħawweġ b’xi daqqa minn vettura.
Numru mhux ħażin ta’ sewwieqa ikkuntattjaw lil dan il-ġurnal jilmentaw li dan l-arranġament qed ikompli jiggrava s-sitwazzjoni tat-traffiku. Mhux magħruf x’inhu l-iskop wara dan it-tibdil għaliex ma nħarġet ebda stqarrija dwar dan it-tibdil. In-Nazzjon ipprova jieħu l-kummenti tal-perit ta’ Transport Malta Audrey Testaferrata de Noto iżda hi irrifjutat u insistiet li għandna nagħmlu l-mistoqsijiet bl-email lis-sezzjoni tar-relazzjonijiet pubbliċi ta’ Transport Malta jew il-Ministeru tat-Trasport.
//= $special ?>