Internazzjonali

L-AZERBAIJAN: Il-media fil-mira

Dunja Mijatovic, rappreżentanta tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE), ikkundannat l-arrest ta’ Khadija Ismailova, ġurnalista mill-Azerbaijan.
“L-arrest ta’ Ismailova mhu xejn ħlief intimidazzjoni orkestrata, li hi parti minn kampanja mmirata biex toħnoq il-vuċi ħielsa u kritika tagħha,” qalet Mijatovic.
Khadija Ismailova, ġurnalista ma’ Radio Azadiq, ingħatat detenzjoni ta’ xahrejn qabel ma tgħaddi ġuri fuq akkużi li hi ħajret persuna biex tikkommetti suwiċidju. Jekk tinstab ħatja, Ismailova tista’ tintbagħat il-ħabs għal seba’ snin.
“Nirrepeti t-talba tiegħi lill-awtoritajiet fl-Azerbaijan sabiex jieqfu minn din il-prattika, li hi ta’ detriment għal-libertà tal-media,” qalet Mijatovic.
L-arrest ta’ Khadija jsegwi numru ta’ arresti li saru dan l-aħħar, kif ukoll sentenzi twal ta’ ħabs mogħtija lill-ġurnalisti u sostenituri dwar il-libertà tal-espressjoni fl-Azerbaijan.