Qorti

Minħabba żball mill-Ispettur Gabriel Micallef, kienet se titwaqqa’ l-akkuża fil-konfront ta’ min kien se jittraffika 3kg kokaina

Wara li l-Pulizija dehret li solviet każ ta’ traffikar ta’ 3kg droga kokaina tard is-Sibt filgħaxija, fejn kienu arrestati Malti ta’ 25 sena u Niġerjana ta’ 28 sena, u li tressqu l-Qorti quddiem il-Maġistrat Marsanne Farrugia, il-każ fil-konfront ta’ Christopher Polidano kien fil-periklu li jaqa’, bl-akkużat seta’ jiġi meħlus wara li l-Ispettur Gabriel Micallef (ritratt) għamel żball fl-akkuża.

Hekk kif Polidano, li hu minn Ħal Safi tressaq il-Qorti, l-akkuża principali mhux biss kienet qed tikkwota l-Liġi b’mod ħażin, iżda d-dokument ippreżentat kien qed jaqa’ taħt Liġi żbaljata li ma tinkludix id-drogi perikolużi, bħall-kokaina, l-eroina u drogi oħra perikolużi li jaqgħu taht il-Kapitolu 101 dwar il-Mediċini Perikolużi.

Meta ra hekk, l-Avukat Franco Debono, li flimkien mal-Avukat Marion Camilleri dehru għal Polidano, talab mill-ewwel biex il-klijent tiegħu jiġi rilaxxat minħabba l-iżball kbir li kien sar.

L-Ispettur Gabriel Micallef talab lill-Qorti biex tagħtih ċans jikkonsulta mal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u wara xi ħin ammetta mal-Qorti li l-iżball kien tiegħu. F’dan l-istadju, bidel id-dokument il-ħażin mal-wieħed it-tajjeb.

Dwar dan il-każ, fil-Qorti tressqet ukoll Rachael Fred, in-Niġerjana li kienet arrestata mal-wasla tagħha f’Malta abbord il-katamaran minn Pozzallo. Moħbija f’qiegħ falz ta’ bagalja li l-mara kienet qed iġġorr, instabu madwar 3kg droga suspettata li hi kokaina.

Sadanittant, ilbieraħ għall-ħabta tal-10am f’Paceville, ir-raġel Malti ġie arrestat wara li allegatament mar biex jiġbor id-droga. Hekk kif il-Pulizija ppruvat twaqqaf lir-raġel, hu rikeb f’vettura u pprova jaħrab mill-post billi saq fuq il-bankina, bil-konsegwenza li ħabat ma’ diversi vetturi pparkjati u waqaf wara li ħabat ma’ arblu tad-dawl.

Fil-Qorti, Fred wieġbet li ma kinitx ħatja tal-akkużi miġjubin kontriha. Fil-Qorti rriżulta li l-Pulizija organizzat “control delivery” biex jinqabad il-persuna li għalih kienet destinata d-droga. Polidano ngħata l-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €10,000 u garanzija personali ta’ €20,000.