Qorti

Sitt snin u nofs ħabs fuq droga wara li ammetta minflok għadda ġuri

Raġel ta’ 36 sena miż-Żejtun ġie kkundannat sitt snin u nofs ħabs u mmultat €15,000 wara li ammetta minflok għadda ġuri li kellu fil-pusses tiegħu madwar 1kg droga kannabis u ammont żgħir ta’ kokaina, f’ċirkostanzi li ma kienux għall-użu esklussiv tiegħu.

Aaron Sciortino ammetta li fis-27 ta’ Marzu li għadda, meta kien għaddej bil-karozza tiegħu mill-inħawi tal-Marsa u Ħal Qormi, kellu d-droga fil-pusses tiegħu. Dakinhar, il-Pulizija kellha informazzjoni li Sciortino kellu d-droga u għalhekk twaqqaf għal tfittxija.

Sciortino ammetta mill-ewwel, kemm mal-Pulizija kif ukoll meta tressaq il-Qorti u għalhekk ma għaddiex kumpilazzjoni. Il-Pulizija rnexxielha ssolvi wkoll każijiet oħrajn relatati ma’ dan il-każ. Il-Qorti ordnat ukoll li l-oġġetti kollha, il-flus u l-propjetà mobbli jew immobbli ta’ Sciortino tiġi kkonfiskata.