Nhar il-Ħadd li għadda ngħata bidu għall-ewwel rappreżentazzjonijiet tal-pantomima tal-Milied bil-Malti fl-Istitut Kattoliku. Il-kummenti tal-udjenza numeruża jagħtu kuraġġ lill-organizzaturi, il-kumpanija Teatru Rjal. Il-pubbliku preżenti faħħru l-iskript, imma l-aktar li impressjona kien l-ispettaklu maħluq mid-dwal, żfin, kostumi spettakolari u atmosfera divertenti għall-membri kollha tal-familja
Mela darba kien hemm…. Sindyrella u l-Bestja u m’għandniex xi ngħidu d-Dama Condita…. L-istorja proprja ta’ Sindyrella rakkuntata mill-Fairy Tinker Bell…. fejn niskopru li omm Sindyrella, Condita, tkun tirrispettaha ħafna imma ħutha t-tewmin il-ħin kollu mqabbdin magħha peress li hi sabiħa u huma koroh… Allura l-Bestja fiex jidħol? Kontu tafu li Sleeping Beauty u Rapunzell huma ħbieb kbar ta’ Sindyrella? Is-Saħħara għalfejn il-ħin kollu tfittex lil Snow White? Snow White x’għandha x’taqsam? U l-Pastur min hu? Xmara ta’ Mħabba? Tgħid ħa jirnexxilu jikkonverti lid-dama li ma tibqax dama… u d-Dama tagħna b’liema praspar u avventuri ħa toħrog biex issalva s-sitwazzjoni, jekk mhux tgħarraqha…
Mela ejjew ħalli nsiru nafu dawn il-kurżitajiet u nassistu għal serata mimlija spettaklu, kulur, kant, daħk, żfin u divertiment għall-familja kollha…
Il-parti tad-Dama Kondita hija fdata għat-tielet sena konsekuttiva f’idejn l-attur bravu Toni Busuttil li żgur ma għandu bżonn ta’ ebda introduzzjoni. Miegħu għandu kast ta’ atturi u kantanti stabbiliti bħal Snits bħala l-Fairy, Ina Robinich, Brian Farrugia, Simon Curmi, Jeffrey Scicluna, Neville Refalo, Julie Pomorski, Laura Bruno, Pawlu Bonello, Franky Borg, Alan Falzon, Bernice Darmanin, Graziella Farrugia, Rhea Chetcuti u oħrajn.
Il-band bħas-soltu hija live taħt id-direzzjoni ta’ Abigail Brown b’arranġamenti mużikali ta’ Joe Brown. Iż-żfin hu f’idejn Kinetic Dance Studio b’koreografija ta’ Clayton Mifsud u Daphny Gatt. Il-kostumi huma kollha disinjati u meħjuta minn Noel tal-Louie Noir u l-make up f’idejn Justin Brincat
mela darba kien hemm… Sindyrella u l-Bestja għandu script originali ta’ Brian Farrugia b’direzzjoni ta’ Ray Abdilla, bil-produzzjoni bħas-soltu hi ta’ Pawlu Testa.
Ir-rappreżentazzjonijiet ikomplu kif ġej: Il-Ġimgħa 26 (Boxing Day) fis-2.30pm u 7.30pm, is-Sibt 27 fis-7.00pm, il-Ħadd 28 fis-2.00 u 6.30pm u t-Tnejn 29 fis-7.30pm. F’Jannar isiru dawn ir-rappreżentazzjonijiet: il-Ġimgħa 2 fis 7.30pm, is-Sibt 3 fis-7.00pm, u l-Ħadd 4 fis-6.30pm,
Ir-rappreżentazzjonijiet kollha jsiru fl-Istitut Kattoliku, il-Furjana. Biljetti jistgħu jinkisbu mingħand: Pawlu Testa Travel: 21223340 / 99476468, Booking Office Istitut Kattoliku pm: 21238429, Bar tal-Istitut Kattoliku: am u pm. 21242551, Carmen Azzopardi tar-Rabat: 21454836 u Tereża Bazaar ta’ Ħaż-Żabbar: 21662968.
Wieħed jista’ jibbukkja online minn www.kumpanijateatrurjal.com jew www.istitutkattoliku.com.
//= $special ?>