Lokali

Żewġ anzjani jittajjru f’inċidenti separati fil-Birgu u l-Furjana

Għadha mhux magħrufa l-kundizzjoni ta’ anzjan mill-Birgu, li dalgħodu ttajjar minn vettura fil-Birgu stess. L-inċident seħħ għall-ħabta tas-6.15am fi Triq San Dwardu, meta l-anzjan ittajjar minn vettura misjuqa minn raġel ta’ 63 sena mill-Kalkara.

Sadanittant, f’inċident separat, anzjan ta’ 74 sena minn Ħal Qormi sofra feriti gravi kawża ta’ ksur f’siequ wara li ttajjar minn karozza fil-Furjana. F’dan il-każ, li seħħ għall-ħabta tad-9am fi Triq Emanuel S Tonna, l-anzjan ittajjar minn vettura tat-tip Mazda, li kienet qed tinstaq minn mara ta’ 33 sena minn Ħal Luqa.

Jirriżulta li s-sewwieqa tal-vettura sabet lill-anzjan ma’ wiċċha waqt li kienet qed iddur il-kantuniera u ma rnexxilhiex twaqqaf il-vettura tagħha fil-ħin.