Futbol Sport

Cagliari jneħħu lil Zeman

Il-klabb tas-Serie A Cagliari, ddeċieda li jneħħi lill-kowċ Zdenek Zeman hekk kif it-tim jinsab fit-tielet post mill-aħħar fil-klassifika. Zeman mexxa l-aħħar sessjoni tiegħu ma’ Cagliari t-Tnejn filgħodu li kienet ukoll l-aħħar waħda qabel il-festi tal-Milied.

Jidher li l-filosofija ta’ Zeman ma tantx ikkonvinċiet lid-diriġenti ta’ Cagliari u l-unika żewġ partiti li fihom Cagliari mpressjonaw kienu dawk kontra Inter u Cesena.

Jidher li l-partita li ddeterminat it-tkeċċija ta’ Zeman kienet it-telfa tal-Ħamis li għadda kontra Juventus biex inkredibbilment Cagliari għadhom ma kisbux rebħa f’darhom dan l-istaġun.

Fost dawk li qed jissemmew li jistgħu jmexxu lil Cagliari bit-tama li jżommu posthom fis-Serie A issa hemm Walter Zenga, Gianfranco Zola u Delio Rossi.