Silenzju mill-Ministru tal-Ekonomija Chris Cardona dwar l-ismijiet tal-membri tal-Kumitat Tekniku li kien responabbli fl-għażla ta’ min se jieħu l-liċenzja ta’ casino ġdid f’Malta. Il-każ imur lura għall-2013, meta l-Ministru kien beda proċess biex tingħata konċessjoni għal casino ieħor f’Malta.
Dan il-proċess wassal biex, eventwalment, il-kumpanija bl-ghola offerta (Dragonara Gaming Limited) ma ntgħażlitx u minflokha ntgħażlet dik offruta mill-Eden Leisure Group. Il-fatt li ma ntgħażlitx l-aqwa offerta wassal biex din il-kumpanija ppreżentat mandat fil-Qorti, fi proċedura li għadha għaddejja sal-ġurnata tal-lum.
Iżda minkejja l-mistoqsijiet mill-ġurnal The Times of Malta, sal-ġurnata tal-lum il-Ministru Chris Cardona għadu ma jridx jiżvela l-ismijiet tal-membri tal-Kumitat Tekniku, bir-risposta tiegħu tkun biss biex “nistennew li l-Qorti toħroġ il-konklużjonijiet tagħha”. Fi kliem il-Ministru, dak biss hu l-hin opportun biex il-poplu Malti jkun jaf min kien responsabbli wara dan il-każ.
Ix-xahar li għadda, hekk kif il-każ kien għadu qed jiżviluppa fl-Awla tal-Qorti, il-Kap tat-Taqsima tal-Privatizzazjoni tal-Gvern Emmanuel Camilleri żvela li l-Ministru Cardona kien ordnalu jxolji l-Kumitat Tekniku minħabba li sab li dawn kellhom kunflitt ta’ interess. Dan meta l-erba’ membri kienu ddikjaraw bil-miktub li ma kellhom l-ebda kunflitt.
The Times of Malta irrapporta wkoll li minbarra l-eks Imħallef Geoffrey Valenzia, il-Kumitat kellu bħala membri lil Kevin Fenech u Jesmond Pace, li huma professjonisti mill-industrija tal-finanzi, u l-Kap Eżekuttiv tal-Malta Industrial Parks Joshua Zammit.
//= $special ?>