Kien Clint Camilleri, Kandidat tal-Partit Laburista għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew u wieħed mill-Kandidati prospettivi għall-Elezzjoni Ġenerali f’isem il-Partit Laburista, li ċempel lid-Dipartiment tal-Cleansing f’Għawdex biex isir it-tindif fil-Bajja San Blas fis-sajf tal-2013.
Ix-xogħol ta’ tindif f’din il-bajja protetta kien sar b’inġenji kbar bi ħsarat kbar għall-ambjent.
Dan kien ikkonfermat mal-ġurnal In-Nazzjon b’kuntatt bit-telefon ma’ Camilleri nnifsu, li spjegalna li kif dakinhar kienet għamlet maltempata u l-kurrent kien jaqbel għal ġewwa tant li l-Bajja San Blas kienet imtliet alka.
Minħabba f’hekk ħafna kienu dawk li bdew iċemplu l-Ministeru għal Għawdex,fejn hu kien jaħdem, biex issir xi ħaġa b’mod immedjat.
Clint Camilleri qalilna li hu fl-ebda waqt ma qalilhom biex imorru jnaddfu l-bajja u x-xtajta permezz ta’ gafef u inġenji kbar oħra. Fl-ebda ħin ma ta struzzjonijiet bħal dan. Huwa qal li qallhom biss biex imorru jnaddfu l-bajja mill-alka li kienet daħlet.”
Mistoqsi jekk il-Ministru Anton Refalo kienx konxju minn dan kollu, Clint Camilleri qal li mistoqsija bħal din għandha ssir lill-Ministru u mhux lilu.
Hu kompla li jifhem li kienet deċiżjoni tal-Cleansing Department ta’ Għawdex li fil-post jintbagħtu gafef u makkinarju ieħor biex tinġabar l-alka li kienet daħlet mal-kurrent, biex hekk il-post jitnaddaf.
Mistoqsi jiftakarx ma’ min kien tkellem meta kien ċempel lid-Dipartiment tal-Cleansing dwar ix-xogħol suġġerit minnu li jsir, Clint Camilleri qal li ma jiftakarx.
Intant, fir-Rapport tiegħu dwar dan il-każ, l-Ombudsman jgħid li persuni b’interess dirett kienu għamlu pressjoni fuq il-Ministeru għal Għawdex biex isir it-tindif fil-Bajja San Blas fis-sajf tal-2013.
//= $special ?>